Internazzjonali

Il-Maċedonja: Jivvutaw f’referendum li kapaċi jibdel l-isem tal-pajjiż

Il-poplu tal-Maċedonja – li darba kienet tifforma parti mill-eks-Jugoslavja u li ddikjarat l-indipendenza fl-1991 – qed jivvota f’referendum li jista’ jirriżulta f’bidla għall-isem tal-pajjiż li, imbagħad, isir magħruf bħala l-‘Maċedonja ta’ Fuq’.

F’każ ta’ konferma, l-isem ġdid għandu jtemm tilwima li ilha għexieren ta’ snin bejn il-Maċedonja u l-Greċja. Għan ieħor importanti li kapaċi jkun irrealizzat jinvolvi ‘it-triq ‘il quddiem bla problemi’ għall-Maċedonja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea u n-NATO.

Iżda, il-kwistjoni għadha waħda emozzjonali u kontroversjali, bil-President tal-Maċedonja, Gjorge Ivanov, jiem ilu jsejjaħ għal ‘bojkott tar-referendum’.

Il-votanti lokali qed iwieġbu ‘jekk humiex favur l-isħubija fl-UE u n-NATO b’li jaċċettaw il-ftehim bejn ir-Repubblika tal-Maċedonja u l-Greċja’. Il-ftehim jitratta l-isem ‘Maċedonja ta’ Fuq’, meta l-Greċja qed tinsisti li l-isem tar-repubblika eks-Jugoslava ( u ġar tagħha) jimplika ‘jedd territorjali għar-reġjun Grieg ta’ Maċedonja’.

Il-protesti tal-Greċja kienu wasslu biex in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn jirreferu għall-eks-repubblika Jugoslava bħala ‘l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja’. Fl-2008, il-Greċja anki użat il-veto kontra t-tentattiv tal-Maċedonja biex tissieħeb man-NATO, bl-istess pajjiż jostakola l-ambizzjonijiet tal-Maċedoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea.

F’każ li l-vot fir-referendum ikun favur, għandu jidħol fis-seħħ kompromess fejn il-Maċedonja taċċetta ‘bidla ġeografika’ għal isimha waqt li l-Greċja taċċetta li l-poplu ta’ dik ir-repubblika huma Maċedoni li jitkellmu l-lingwa Maċedon ‘aktar milli poplu ta’ Slavi mingħajr l-ebda dritt għal dik l-identità’.