Lokali

“Irridu nagħmlu partit li jimpurtah mis-soċjetà u l-partitarji tagħna” – Clyde Puli, Segretarju Ġenerali

Il-Partit Nazzjonalista qed organizza maratona ġbir ta’ fondi b’risq aktar investiment fl-operat tal-partit, kemm fir-rigward tar-riżorsi umani u anki tal-makkinarju meħtieġ biex il-Partit ikun jista’ jwassal bl-aktar mod effettiv il-messaġġ tiegħu.

Din hi maratona mill-aktar importanti għall-Partit Nazzjonalista lejlet li jimbarka fuq kampanja elettorali b’rabta mal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u anki għall-Kunsill Lokali skedati li jsiru f’Mejju li ġej.

Kien Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li fetaħ din il-maratona u ħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa f’din il-maratona u jagħti mill-aħjar li jista’ biex hekk il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli jinvesti fir-riżorsi tiegħu.

“Il-ħidma hawn ma taqta’ assolutament xejn. Nirringrazzja lill-voluntiera kollha li f’xi ħin jew post jew ieħor ikunu qed jagħtuna l-għajnuna tagħom. Mingħajr dawn in-nies, żgur li dan il-partit ma jkunx jista’ jopera.” Dan saħqu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif  fakkar li fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bħalissa qed isir ħafna tiġdid u riformi importanti. Dan l-eżerċizzju ta’ modernizzar jeħtieġ ħafna finanzi.

Clyde Puli temm jgħid li, “Irridu nagħmlu partit li jimpurtah missoċjetà, mill-pajjiż, imma anke mill-partitarji tiegħu, li huma wkoll il-partit innifsu. Jekk tħobb lill-partit, bilfors trid tħobb lill-partitarji.”