Lokali

Jiddaħħlu f’Malta 58 immigrant u kelb salvati mill-baħar

Grupp ta’ 58 immigrant irregolari u kelb iddaħħlu f’pajjiżna wara li ġew salvati mill-Baħar Mediterran fl-aħħar jiem. Il-kelb kien qed jinġarr minn familja Libjana.

Għall-aħħar jiem, l-immigranti kienu qed jinżammu abbord il-bastiment MV Aquarius, hekk kif it-trasferiment tagħhom kien pospost minħabba l-maltemp. Il-ħidma ta’ salvataġġ saret b’mod konġunt bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Franċiż.

Fost l-immigranti hemm Libjani, Sirjani, Palestinjani, Somali u mill-Pakistan. Mit-58 persuna, hemm seba’ familji u tlett itfal ta’ anqas minn ħames snin. Oriġinarjament, kemm Franza u l-Italja rrifjutaw id-dħul tal-bastiment sakemm Malta aċċettatu.

Dan kien ir-raba’ każ ta’ immigranti irregolari li waslu Malta f’madwar xahar u nofs, wara l-100 li daħlu f’pajjiżna fit-22 ta’ Awwissu u l-madwar 100 oħra li daħlu f’żewġ okkażjonijiet fil-ġimgħa ta’ qabel.

F’Lulju kien hemm ukoll il-każ ta’ mill-inqas disa’ immigranti li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna ndunaw bihom biss malli waslu bi speedboat max-xatt ta’ Birżebbuġa.

Fi stqarrija, il-Gvern qed jgħid li pparteċipa f’din il-missjoni purament għal għanijiet umanitarji u mingħajr ma biddel il-politika tiegħu dwar it-tiftix u salvataġġ.