Internazzjonali

L-Indoneżja: Il-mejtin mit-terremot u t-tsunami jaqbżu t-800

L-aġenzija nazzjonali li tevalwa l-iskala tad-diżastri kkonfermat li mietu talanqas 830 persuna fit-terremot u t-tsunami li ħallew ħerba sħiħa fil-gżira Indoneżjana ta’ Sulawesi. Intant, mhux eskluż li ċ-ċifra tal-vittmi finali tista’, ‘il quddiem, tlaħħaq ‘mal-eluf’.

Ħafna nies, intant, għadhom maqbudin taħt ir-radam tal-bini li ċedew għal fuqhom wara t-terremot kbir ta’ tmiem il-ġimgħa li rreġistra 7.5 fuq l-Iskala Richter. Intant it-terremot xpruna mewġ tal-baħar għoli – jew tsunami – li kienu jlaħħqu mas-sitt metri.

Is-sitwazzjoni fil-belt ta’ Palu tant hi ddisprata li l-membri tal-iskwadri tas-salvataġġ qed iħaffru fl-art b’idejhom huma u jfittxu għal persuni li jistgħu għadhom ħajjin. Kelliema għall-entitajiet tas-search and rescue, qed isejħu ‘għal makkinarju speċifiku’ biex ineħħi r-radam għaliex il-ħidma kienet qed issir impossibbli.

L-awtoritajiet Indoneżjani kienu wkoll imħassbin dwar l-impatt tat-terremot fil-belt ta’ Donggala, meta ma ngħatawx dettalji ċari tal-effetti devastanti għal dik il-komunità.

L-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar temmen li t-terremot u t-tsunami affettwaw ‘il fuq minn 1.6 miljun persuna u li ‘din it-traġedja tista’ tkun bil-wisq akbar u agħar fis-sigħat li ġejjin’. Dan meta l-gżira ta’ Sulawesi qed tintlaqat mit-theżżiż tal-art sekondarju li wkoll kienu qed iħallu effetti sostanzjali u kontinwi.

Il-President tal-Indoneżja, Joko Widodo, żar l-inħawi ta’ Palu biex jara b’għajnejh is-siti straxxnati mfid-diżastru. Dawn jinkludu l-Bajja ta’ Talise, li hi zona turistika prinċipali li ġarrbet l-agħar impatt tat-tsunami. Intant, Widodo rrefera ‘għall-problemi li jridu jkunu solvuti f’qasir żmien, b’mod speċjali s-sistemi għall-komunikazzjoni’.

Sadanittant għad hemm ħafna nies irrappurtati nieqsa f’Palu, li hi belt ta’ xi 335,000 resident, u meta hemm kull possibbiltà li dawn spiċċaw ‘taħt tifrik ta’ bini’. Dan meta l-katavri tal-mejtin tħallew għal żmien fit-toroq tal-belt, bil-midruba jkunu trattati ġo tined minħabba li l-isptarijiet fl-inħawi ġarrbu l-ħsarat strutturali fit-terremot.