Lokali

Muscat ħoloq Awtorità bażwija – kritika għall-mod tat-tmexxija tal-Awtorità tal-Ippjanar

Johann Buttigieg, Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar

Għal ġimgħa oħra konsekuttiva l-Awtorità tal-Ippjanar li ħoloq il-Prim Ministru Joseph Muscat hi fuq fomm kulħadd għall-mod sfaċċat, dilettantesk, perikoluż u bażwi li bih taħdem.

Fiċ-ċentru tal-istejjer pubblikati tkompli tiddomina Jacqueline Gili li hi rappreżentanta tal-Gvern fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Ir-rwol tagħha hu fid-Dipartiment tal-Kuntratti fejn hi tokkupa l-kariga ta’ Direttur Operazzjonijiet tal-Kuntratti.

Jacqueline Gili ħasset li kellha tmur għal vaganza lil hinn minn xtutna – preċiżament fi Sqallija – meta kienet taf li nhar l-20 ta’ Settembru kienet skedata li ssir laqgħa mill-aktar importanti dwar il-proġett kontroversjali f’Pembroke tal-Grupp db.

Dan il-proġett jirrigwarda iżvilupp massiċċ fuq medda art ta’ 109,919 metru kwadru li sa ftit xhur ilu fuqha kien hemm l-Istitut għall-Istudju Turistiċi (ITS). Fil-fatt il-proġett approvat mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jinkludi l-iżvilupp ta’ torri ta’ 38 sular, lukanda ta’ 17-il sular, casino u numru ta’ stabbiliment kummerċjali.

Imma Jacqueline Gili ħasset li setgħet issiefer minkejja dan l-appuntament importanti tagħha bħala membru fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju ta’ membru nieqsa, jirriżulta li l-Awtorità tal-Ippjanar, immexxija miċ-Chairman Eżekuttiv, Johann Buttigieg, iddeċidiet li tibgħat ajruplan privat biex iġib lil Jacqueline Gili Malta għas-smigħ u sussegwentement għall-vot dwar dan il-proġett. Mhux biss, iżda jirriżulta wkoll li l-istess Jacqueline Gili aktar tard nhar l-20 ta’ Settembru filgħaxija, jiġifieri dakinhar stess reġa’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-istess ajruplan privat biex ittieħdet lura fi Sqallija ħalli tkun tista’ tissokta bil-vaganza tagħha.

L-ispiża għal dan kollu, jiġifieri għall-flus li l-Awtorità tal-Ippjanar ħteġilha tħallas biex iġġib Malta u tieħu lura lil Jacqueline Gili fi Sqallija, tlaħħaq l-eluf tal-ewro. Il-preżenza ta’ Jacqueline Gili waqt il-laqgħa li ddiskutiet dan il-proġett ma kenitx waħda essenzjali meta r-rappreżentanti kollha tal-Gvern ivvutaw favur dan il-proġett.

Fil-fatt l-għaxar rappreżentanti tal-Gvern fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvutaw favur, fosthom membru li saħasnitra hu sensar tal-proprjetà. Dawn kienu d-Deputat Laburista Clayton Bartolo, Victor Axiak, Elizabeth Ellul, Desiree Cassar, Matthew Pace, Simone Musù, Timothy Gambin, Jacqueline Gili, Joseph Brincat u Ivan Tabone.

Erbgħa biss kienu dawk li vvutaw kontra dan il-proġett. Dawn kienu Vince Cassar, iċ-Chairman tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar; Dean Hili, is-Sindku ta’ Pembroke; Annick Bonello, ir-Rappreżentanta tal-NGOs; u d-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli, ir-rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-isfond ta’ dan it-tgħaffiġ mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar qed jissoktaw jikbru l-mistoqsijiet dwar x’qed jiġri tassew f’din l-Awtorità mwaqqfa direttament mill-Prim Ministru.

Għaliex kien tassew tassattiv li Jacqueline Gili tinġieb Malta biex tivvota?

Min ħa d-deċiżjoni li Jacqueline Gili tinġieb Malta?

Min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha li saru?

Għaliex Jacqueline Gili ħasset li kellha tmur vaganza meta kienet taf sew minn qabel dwar din il-laqgħa importanti?

Dak li ġara fil-konfront ta’ Jacqueline Gili ġieli kien applikat għal ħaddieħor ukoll?

Bir-raġun kollu li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia aktar kmieni din il-ġimgħa talab li tinfetaħ inkjesta indipendenti dwar dan il-każ ta’ membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li nġiebet Malta b’ajruplan privat biex tivvota fuq l-applikazzjoni tal-proġett fuq l-art tal-ITS f’Pembroke.

Fl-intervent tiegħu dwar dan l-iskandlu ġdid Adrian Delia insista li l-fatti kif qed jirriżultaw iqajmu diversi domandi, u għalhekk staqsa jekk din hix l-ewwel darba li l-Awtorità tal-Ippjanar bagħtet ajruplan privat biex membru tal-Bord jinġieb għal laqgħa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll jekk Jacqueline Gili kinetx taf bil-laqgħa minn qabel u jekk kisbitx permess biex issiefer? Jekk kellha permess allura għaliex l-Awtorità tal-Ippjanar biddlet il-ħsieb?

Adrian Delia staqsa wkoll jekk Jacqueline Gili kinitx sfurzata li tiġi jew riedet li tiġi minn jeddha? Jekk kienet sfurzata biex tiġi, min kien li għamlilha pressjoni? Jekk kienet id-deċiżjoni tagħha li tiġi lura għalfejn intużaw flus il-poplu?

Dakinhar li Jacqueline Gili nġiebet Malta minn Sqallija jirriżulta li daħlet tard għall-istess laqgħa. Fil-fatt kien rapportat li daħlet għal-laqgħa fil-10.45 a.m. Dan meta l-laqgħa kienet ilha ċirka nofs siegħa li bdiet.

Jirriżulta wkoll li Jacqueline Gili kienet nieqsa f’29 laqgħa minn 75 laqgħa li fihom ittieħed xi tip ta’ vot dwar xi żvilupp.