Lokali

Rabja għall-Avukat Ġenerali mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici

Ix-xhieda tal-Avukat Ġenerali Peter Grech nhar it-Tlieta li għadda fil-Qorti fil-każ dwar l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta ‘Egrant’, wassal biex inħolqot rabja kbira għalih mill-Ministeru tal-Ġustizzja, minħabba li fl-istess xhieda tiegħu l-Avukat Ġenerali kixef lill-Ministru Owen Bonnici bħala wieħed mill-Avukati Difensuri tal-Prim Ministru u għalhekk kien jimmeritah li jingħata kopja intiera tal-istess inkjesta.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument żvelaw li hekk kif waslet l-aħbar dwar ix-xhieda tal-Avukat Ġenerali nhar it-Tlieta fil-Qorti, kien hemm diżappunt fil-Ministeru tal-Ġustizzja għaliex stennew aħjar mill-istess Peter Grech li, skont huma, ma messux żvela li kien għadda kopja elettronika bil-kontenut sħiħ tal-inkjesta maġisterjali.

L-Avukat Ġenerali issa ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jiddomina d-diskors dwar din l-inkjesta maġisterjali minħabba li sa mill-bidu nett tal-pubblikazzjoni tagħha, għadda kopja intiera biss lill-Prim Ministru Joseph Muscat għaliex tinteressah direttament, filwaqt li lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma jridx li jgħaddilu kopja.

Mhux biss, iżda sa minn meta nħarġet l-inkjesta maġisterjali sa issa ħoloq sensiela ta’ intoppi biex itawwal kull proċess biex din l-inkjesta maġisterjali tingħata wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni li għandu rwol ċar u definit mill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Mhux biss ipprova jtawwal il-proċess fil-Qorti, mhux biss ma riedx jixhed, iżda anki fix-xhieda tiegħu uża argumenti infantili u perikolużi b’mod dirett fil-konfront tal-ħarsien tad-demokrazija.

Kien permezz tax-xhieda tal-Avukat Ġenerali Peter Grech fil-Qorti, li nkixef li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici kiser il-Kodiċi tal-Etika hekk kif bħala Ministru tal-Gvern irriżulta wkoll li hu l-Avukat Difensur tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u li ngħata wkoll kopja intiera tar-rapport tal-Maġistrat.

Nhar it-Tlieta li għadda, ix-xhieda tal-Avukat Ġenerali attirat l-attenzjoni ta’ kulħadd. Għaliex kif jista’ jkun li Ministru tal-Gvern u allura parti mill-Kabinett, jibqa’ jservi ta’ avukat? U f’dan il-każ ħareġ ċar ħafna li l-Ministru Owen Bonnici hu wkoll wieħed mill-Avukati Difensuri tal-istess Prim Ministru bil-Prim Ministru, u allura jkun il-klijent tal-Avukat Owen Bonnici f’dan il-każ delikat.

Dan l-abbuż ta’ poter kompla jieħu dimensjoni oħra hekk kif l-Avukat George Hyzler, il-President tal-Kamra tal-Avukati, fir-reazzjoni tiegħu dwar dan qal li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ma setax iservi ta’ Avukat tal-Prim Ministru Joseph Muscat minħabba li din il-prassi mhix aċċettabbli minħabba li tmur kontra l-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri. Dan għaliex Owen Bonnici mhux Avukat prattikanti imma Ministru li ħa l-ġurament biex iservi lill-poplu bħala Ministru fil-Kabinett tal-Ministri.

Avukati oħra wkoll ħassew li ma kienx f’waqtu u f’postu li l-Ministru Owen Bonnici jipprattika wkoll ta’ avukat difensur tal-Prim Ministru sal-punt li mbagħad ikun hemm l-Avukat Ġenerali Peter Grech li jgħaddilu kopja tal-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta ‘Egrant’. V

erament illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn ħafna affarijiet għal ċerti nies fil-poter saru ma huma xejn u allura jistgħu jagħmlu kull tip ta’ abbuż!