Futbol Sport

Defrel jagħti t-tielet rebħa lil Sampdoria

(Ritratt: EPA)

Sampdoria telgħu fit-tmien post tal-klassifika meta fi Stadio Marassi għelbu lil Spal 2-1 f’logħba li kellhom jirkupraw minn gowl minn taħt. Għal Spal din kienet it-tielet telfa konsekuttiva.

Spal fetħu l-iskor fil-21 minuta meta Emil Audero salva mingħajr ma żamm xutt fil-baxx ta’ Manuel Lazzari, bl-attakkant ALBERTO PALOSCHI ma jkollux problema li jiskorja mill-viċin.

Reazzjoni immedjata ta’ Sampdoria li ġabu d-draw erba’ minuti wara meta Fabio Quagliarella niżżel bir-ras lejn KAROL LINETTY li b’xutt mill-ewwel fil-baxx u għar-rokna għeleb Alfred Gomis.

Sampdoria skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa mas-siegħa logħob meta Fabio Quagliarella rċieva ballun fit-tul u kellu x-xutt salvat parzjalment minn Gomis, il-ballun reġa’ spiċċa għandu, bl-attakkant jikkrossja lejn GREGOIRE DEFREL li skorja b’xutt fuq il-ġirja minn madwar 11-il metru bogħod.

Tags