Lokali Parlament

Il-Gvern jaħrab minn stqarrja ministerjali dwar Owen Bonnici

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrifjuta li jagħmel stqarrija ministerjali dwar il-fatt li l-Ministru Owen Bonnici ingħata kopja tal-inkjesta Egrant u kien iddikjarat li kien qed iservi lill-Prim Ministru bħala avukat tiegħu.

Dan il-każ tqanqal mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li staqsa numru ta’ mistqosijiet parlamentari iżda l-Ministru Owen Bonnici ma kienx fil-Kamra minħabba li jinsab imsiefer. F’dak il-mument kien qed iwieġeb is-Segretarju Parlamentari Deo Debtatista li ma weġibx il-mistoqsijiet u qal lill-Kap tal-Oppożizjzoni biex jagħmel il-mistoqsijiet bil-miktub.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia nsista għal tweġiba dwar id-dikjarazzjoni tal-Minitru Bonnici li qal li kien dmir tiegħu li jassisti lill-Prim Ministru. Adrian Delia staqsa wkoll jekk il-Ministru Owen Bonnici kienx ta assistenza lil persuni oħra, jekk użax kawtela u jekk ghaddiex dan ir-rapport Egrant lil terzi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa jekk hux se ssir stqarrija ministerjali dwar dan.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb li minħabba li hemm kawża l-qorti, hu mhux beħsiebu jitkellem għalissa.