Lokali Parlament

L-NGOs għandhom post fil-ħajja tal-bniedem

– Ivan Bartolo, PN

L-NGO’s għandhom posthom f’ħajjet tant bnedmin; mhux tant minħabba esperjenzi f’mumenti partikolari taż-żmien, iżda hemm esperjenzi partikolari fil-ħajja tal-bnedmin li minnu kibru, li minnu ħassewhom sħaħ.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-NGO’s jafu l-validità tagħhom, mhux sempliċiment miċ-ċirkostanzi ta’ qawmien fi żminijiet u postijiet differenti, iżda mir-rwol tagħhom mifhum mill-aspett tal-ħajja. Kemm naf bnedmin li ma kellhom l-ebda skop fil-ħajja, u sabuh f’ tant NGO’s. Kull NGO tiġġustifika l-eżistenza tagħha. Għalhekk kull NGO hija differenti minn oħra. Ma tistax tħallat l-NGOs flimkien.

Il-messaġġ qasir tiegħi huwa wieħed – irridu nsostnu l-għaqdiet. Filwaqt li nitolbu t-trasparenza totali fil-ħidma tagħhom għandna nagħmlu distinzjoni ċara bejn NGO żgħira li ma ddaħħalx flus jew iddaħħal xi ftit aktar minn oħrajn.

Dawn l-emendi tal-Liġi tal-Għaqdiet Volontarji bdew minn qabel l-2013. Kien hemm pjan u diskussjoni fit-tul.
Irridu niddistingwu dak li hu essenzjali minn dak li hu arbitrarju, biex kull NGO, tissaffa mill-kunċetti żbaljati, minn kunċetti abbużivi, minn kunċetti esaġerati pero flok ninqdew bihom, jew nikkundannawhom, ngħinuhom jaslu jagħmlu l-aħjar użu minn dan il-mezz tant effettiv u riżultati pożittivi li qed iħallu fis-soċjeta’ tagħna. Kemm huwa importanti li nsostnuhom.

Hemm differenza kbira, minn meta tikber fil-livell akkademiku imma tikber ferm aktar għal livell umanitarju, meta inti tmiss ma’ NGO jew grupp iċċentrat wara skop. Ħafna mill-kultura fl-irħula tagħna, fit-totalità tagħha, tirnexxi għax din il-kultura, din l-attività hija mdawwra minn preżenza fit-totalità tagħha, fuq livell uman u lokali.

Ivan Bartolo qal li l-NGO’s huma fattur determinanti fit-twaqqif ta’ soċjetà aħjar. Fejn hemm l-abbuż, il-membri jindunaw u jwarrbu awtomatikament. L-NGO’s u gruppi b’għan speċifiku u b’ għan tajjeb, dejjem ifittxu forma ta’ espressjoni u,għandhom storja twila u ta’ suċċess.

Fuq livell umanitarju ħafna gruppi kienu ta’ għajnuna biex bnedmin jesperjenzaw il-ferħ, biex bnedmin itaffu n-niket, biex tikber it-tama f’ tant bnedmin, biex jiġu evitati tant biżgħat. Kemm bnedmin bis-saħħa ta’ tant gruppi ibbenefikaw minn tant bżonnijiet, kemm xewqat inqatgħu, kemm intlaħqu aspirazzjonijiet u kemm ġew megħjuna biex jevitaw ċertu aspirazzjonijiet.

Żgur li uħud minn dawn il-gruppi, ma jibqgħux iħossuhom apprezzati u fdati, meta jaraw din il-liġi twila u f’ xi waqtiet ikkumplikata, mill-viċin. Tajjeb li l-membri intiżi fit-tibdiliet jaraw il-valur intrinsiku, ta’ kull grupp differenti. L-Iscouts huma differenti minn fondazzjoni li minnha għandhom surplus u bilanċ ta’ €700,000.

Il-biċċa l-kbira ta’ l-NGO’s jitqiesu bħala mezz vitali għal formazzjoni sħiħa u awtentika tas-soċjetà ċivili. Aktar milli nqisuhom bħala abbużivi, jew ta’ tfixkil, jew liġi li tista’ tpinġi lil dawn l-NGO’s bħala theddida; bħal dawk il-ħallelin li daħħlu mit-tieqa żgħira u jirnexxilhom jsirquli l-mejda li niekol fuqha. Flok nibżgħu mill-perikli tagħhom, ejjew niffukaw aktar kif nistgħu ngħinuhom ikattru l-ġid. Ejjew nibbilanċjaw bis-serjetà, l-awtorità ċentralizzata żżejjed; burokrazija eċċessiva u kontroll riġidu, kważi ġerarkiku. Meta xi bnedmin midħla f’ dawn l-NGO’s u jaraw għalfejn din l-għaġġla kollha nitħasseb xi ftit sew.

Ivan Bartolo sostna li psikoloġikament hija tat-tkissir u trawma li xi ħadd jaħseb ħażin fija. Bħal qisu f’Malta daħħalna l-idea li kulħadd korrott, kulħadd ħażin. Dan ikkonfermah ukoll il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna meta ammetta li kull fejn imur barra minn Malta qed jiġi mistoqsi dwar il-korruzzjoni u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna, anke saħansitra meta kien f’taxi fl-Amerika t’Isfel.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-appell dwar din il-liġ, hu sabiex nadottaw attitudni aktar minn smpliċiment tolleranti: atitudni ta’ nkoraġġiment, atittudni ta’ appoġġ u anki ta’ inizzjattivi li jkomplu jikbru u jimirħu. Il-membri ntiżi fit-tibdiliet, jeħtieġ li jħossuhom aktar ta’ spettaturi, milli parteċipanti. Il-parteċipanti għandhom ikunu dawk involuti f’dawn l-NGOs. Sfortunatament, għandna ħabta li ftit li xejn issir komunikazzjoni personali mal-protagonista. Ejjew insibu triqat u mezzi, biex inħallu frott li jibqa’ u biex l-għan aħħar jkompli jintlaħaq.

Dan nagħmluh bil-għaqal u għax inħossu l-ħtieġa u mhux biex inbiddlu liġi jrid ikun hemm l-Ewropa li ssus warajna bħalma ġara fil-liġi tas-Saħħa u s-Sigurtà u tan-nuclear pollution.

Mill-NGO’ s ħarġu mexxejja, ħarġu role models f’ pajjiżna, ħarġu ħafna familji tajbin u b’ valuri u prinċipji, illi li kieku ma ngħożżuhomx insiru pajjiż ġungla. Li niskopru, l-ostakli li jistgħu jimblukkawna, hija xi ħaġa tajba; għax huwa l-mument li naħdmu fuqhom għax jista’ jkun li jħallu effett negattiv u drammatiku fil-ħajja Maltija.

Il-membri ntiżi fit-tibdiliet jeħtieġ li jagħmlu evalwazzjoni ta’ x’wettqu dawn l-NGOs fil-passat tagħhom. Dan biss, joħroġ ġudizzju ċar, kif ukoll l-abbużi possibbli, iswed fuq l-abjad. Inkunu realistiċi u nammettu b’onestà li mhux sew naqtgħu sentenza tal-mewt, fuq grupp, minħabba irresponsabilità ta’ xi ndividwi. Ejjew nħarsu lejn l-istorja ta’ bosta NGOs bħala opportunita eċċellenti, barka u teżor fis-soċjetà.

Hu sostna li mhux sew li ninqdew biż-żgħir, jew b’ min qed jipprova jagħmel il-ġid u ma napprezzawx il-valur kbir li ħallew tul is-snin u għaż-żmien li ġej. Kull NGO hija realta dinamika, mhix statika u għax hi organika, trid tevolvi maż-żmien.

Hu għadda messaġġ lil kull min b’ xi mod huwa nvolut f’ dawn il-gruppi u għaqdiet filantropiċi:“Xi drabi, bħal fil-ħajja tagħna, jiġu mumenti; li biex nitwieldu, nikbru, niżviluppaw u nimmaturaw irridu ngħaddu minn taħbit u tensjoni u diffikultajiet. Nittama, li din il-liġi tkompli ttejjeb, fuq it-tajjeb li ġa kien hemm, meta bdiet il-liġi tal-volontarjat, biex tkomplu tagħmlu l-ġid u tibqgħu effikaċi u twasslu s-sewwa magħruf.”