Lokali

“Nuqqas ta’ għalliema” – l-MUT u l-UPE Voice of the Workers joħorġu direttivi

Kemm il-Union of Professional Educators – Voice of The Workers, kif ukoll il-Malta Union of Teachers, bħalissa għaddejjin b’sensiela ta’ direttivi li jaffettwaw lill-Kapijiet tad-Dipartimenti kif ukoll lill-għalliema tal-Matematika u l-Malti.

Jirriżulta li dan inqala’ hekk kif jeżisti nuqqas ta’ edukaturi f’dawn is-suġġetti, tant li dawn huma affettwati b’piż ta’ 25 lezzjoni u minkejja li din il-problema kienet magħrufa minn qabel ġie ffirmat il-ftehim.

Min-naħa tal-U.P.E., id-direttivi daħlu fis-seħħ wara li saru diskussjonijiet mad-Direttorat tal-Edukazzjoni iżda ma kien hemm l-ebda rispons pożittiv, anzi “l-problema twarrbet” għaliex intqal li din taffettwa biss 17-il għalliem u għalliema.

Minflok solva l-problema, il-ġimgħa li għaddiet, meta l-U.P.E. ħarġet id-direttivi, il-Gvern irreaġixxa bi stqarrija ta’ kritika lejn din il-union u saħansitra għamel mandat ta’ inibizzjoni deskritt bħala inġust u diskriminatorju lejha u lejn il-membri tagħha.

Jidher li l-unika soluzzjoni temporanja li sab il-Gvern, li qal li kellu pjan, kienet li qed jipprova jimla’ l-vojt bis-supply teachers iżda mhux isib biżżejjed.

Fid-dawl ta’ dan, li sar hu li hem klassijiet li tnaqqsulhom l-ammont ta’ lezzjonijiet, bil-konsegwenza li l-istudenti se jibdew jitilfu lezzjoni fil-ġimgħa u li l-piż qed jinfirex fuq iktar għalliema li spiċċaw b’24 siegħa xogħol fil-ġimgħa, minflok 20 siegħa.

B’rabta ma’ dan fi stqarrija il-PN nhar l-Erbgħa qal li ma’ jistax ma’ jirrimarkax kif il-Gvern mhux jippjana tajjeb u mhux jilħaq il-miri tiegħu stess fis-settur edukattiv.