Lokali

Aggredit ħaddiem tas-CRPD

Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) u l-Forum Opportunitajiet Indaqs PN (FOIPN) esprimew solidarjetà ma’ ħaddiem tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità li matul il-ġurnata tat-Tnejn safa mhedded minn mara għax talabha tneħħi l-karozza tagħha minn fuq parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità u li għandhom Blue Badge.

SĦPN u FOIPN ikkundannaw dan l-aġir li sfortunatament mhuwiex każ iżolat u jirrifletti t-tnawwir tas-soċjetà tagħna fejn kulħadd qed jippretendi li jagħmel li jrid u li jfettillu għax iħoss li m’hemmx awtorità li tinforza u tħares il-bżonnijiet ta’ min hu vulnerabbli, anzi n-nies f’awtorità jagħtu eżempju ħażin huma stess u jabbużaw.

Fi stqarrija, l-SĦPN u l-FOIPN ħeġġew lill-persuni responsabbli sabiex ikunu preżenti fost il-pubbliku u joffru l-protezzjoni meħtieġa f’ħafna każijiet simili. Jeħtieġ ukoll li ssir kampanja edukattiva qawwija sabiex jitħares il-valur tas-solidarjetà prattika li qed jintilef b’ritmu mgħaġġel tort l-eżempju ħażin ta’ min suppost jagħti eżempju tajjeb.