Ewropa

Alex Stubb iħabbar li se jikkontesta għall-kandidatura tal-PPE biex isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea

L-eks Prim Ministru tal-Fillandja Alexander Stubb, illum waranofsinhar, waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Strasburgu, ħabbar li se jkun kandidat għan-nomina tal-Partit Popolari Ewropew għal dik li hi magħrufa bħala l-Isplitzenkandidat, jiġifieri kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. B’hekk, Stubb, li bħalissa hu l-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, hu t-tieni persuna, wara Manfred Weber, li ħabbar uffiċjalment li hu interessat li s-sena d-dieħla, jieħu post Jean Claude Juncker bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea. Sa issa ma hemm ebda persuna oħra li pubblikament esprimiet l-interess li tingħaqad f’din it-tellieqa fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew.

Fid-diskors tiegħu, Alex Stubb qal li jrid jibbaża l-kampanja tiegħu fuq il-valuri Ewropej. Hu sostna li l-valuri tagħna bħalissa jinsabu taħt attakk kemm minn barra l-Ewropa, kif ukoll minn ġewwa. Għalhekk, sostna Stubb, hemm bżonn li l-Ewropa tiġġieled għall-valuri tagħha u tiddefendi lilha nnifisha.

Fl-2014, kienet l-ewwel darba li ntużat il-proċedura tal-Isplitzenkandidat, fejn il-partiti politiċi Ewropej ħabbru l-kandidat tagħhom għal President tal-Kummissjoni Ewropea minn qabel l-elezzjonijiet Ewropej, biex imbagħad, wara l-elezzjoni, l-akbar partit li ġab voti – f’dak il-każ il-Partit Popolari Ewropew – jkollu l-kandidat tiegħu approvat mill-Parlament Ewropew bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Partit Popolari Ewropew, li l-Partit Nazzjonalista hu membru tiegħu, se jkun qed jagħżel il-kandidat tiegħu għal President tal-Kummissjoni Ewropea waqt Kungress li se jsir f’Helsinki, l-Fillandja fit-8 ta’ Novembru li ġej. Dakinhar, netnews.com.mt se jkun qed iwasslilkom aġġornamenti live minn Helsinki b’dak kollu li jkun għaddej.