Lokali Parlament

Avviż Legali b’nuqqas ta’ pjanar u ħsieb

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni biex jiġi revokat l-Avviż Legali mressaq mill-Gvern fuq ir-regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postiijet jew Żoni pubbliċi. Dan wara li dan l-avviż legali sar mingħajr konstultazzjoni u b’nuqqas ta’ pjanar u ħsieb.

Il-mozzjoni, iffirmata mill-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Jason Azzopardi u mill-Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali Robert Cutajar ġiet ippreżenatat lill-Ispeaker Anglu Farrugia fil-preżenza tal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari David Agius.

F’konferena tal-Aħbarijiet fil-bini tal-Parlament, David Agius stqarr li din il-mozzjoni kellha tiġi mressqa minħabba li għandna Gvern bla pjan f’dan is-settur. L-iskop wara dawn ir-regolamenti huwa tajjeb u ta importanza vitali għall-istrateġija nazzjonali ta’ ġbir u separazzjoni tal-iskart. Iżda b’turija ta’ inkompetenza u traskuraġni kbira min-naħa tal-Ministru għall-Ambjent, tħalla barra l-ħinijiet tal-ġbir tal-borża l-bajda tal-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Jason Azzopardi, sostna li l-iskop ta’ din il-liġi huwa wieħed tajjeb, fejn se jkun hemm organizzazzjoni tajba għall-ġbir u għar-rimi, iżda tħallew barra nofs il-Kunsilli Lokali minħabba nuqqas kbir ta’ konsultazzjoni. Ir-residenti jistgħu joħorġu l-iskart wara l-bieb sa mhux inqas minn erba’ sigħat qabel dan jinġabar. Però f’ċerti lokalitajiet l-iskart jinġabar jew tard filgħodu jew tard filgħaxija u għalhekk dan ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti għax mhux dejjem ikun possibbli li joħorġu l-iskart f’dawk il-ħinijiet. Minħabba nuqqas mill-Ministeru tal-Ambjent, qed jispiċċaw ibatu n-nies. Hemm bżonn li ngħixu f’soċjetà li jimpurtaha min-nies.

Robet Cutajar, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali stqarr li l-Kunsilli Lokali qed ikunu trattati ħażin mill-Gvern. Mill-aħħar ta’ Ottubru se jkunu biss għaxra l-Kunsilli Lokali se jkunu qed jiġbru skart organiku fil-borża l-bajda. L-amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti bdiet taħdem fuq sistema ta’ barcoding. Illum jekk xi ħadd joħroġ il-borża l-ħażina ħadd ma jkun jaf eżatt ta’ min hi u għalhekk jistgħu jeħlu multi persuni innoċenti.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn ir-raġunjiet kollha, l-Oppożizzjoni qed titlob biex il-Kamra tirisolvi li tħassar, tirrevoka u tannulla dan l-Avviż Legali. Trid ukoll tordna lill-Ministru għall-Ambjent biex jibda proċess konkret ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali u entitatjiet involuti fuq kampanja effettiva ta’ edukzzjoni u informazzjoi qabel ma jerġa’ jippubblika mill-ġdid ir-regolamenti dwan dan is-suġġett.