Lokali

Il-Gvern falla milli jipproteġi l-qasam finanzjarju

Kien il-mod kif il-Gvern Laburista falla bil-kbir mili jipproteġi l-qasam finanzjarju li wassal biex il-Membru Parlamentari Ewropew Ġermaniż Sven Giegold jibda kampanja ħalli l-Bank HSBC jitlaq minn pajjiżna.

Dan qalitu l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono wara li l-MEP Ġermaniż sostna li l-Bank internazzjonali għandu jieqaf jagħmel negozju f’pajjiżna. Hu qal li dan għandu jseħħ jekk il-Gvern Malti ma jieħux azzjonijiet konkreti biex jikkontrolla l-ħasil tal-flus.

Min-naħa tagħha, Kristy Debono qalet li l-fatt li l-Gvern ma kienx kapaċi jipproteġi dan il-qasam daqstant importanti qed iżżid il-ħsara lil dan is-settur u lill-kumpaniji serji li ilhom snin joperaw minn Malta.

Sven Giegold qal li lest iniedi kampanja ħarxa kontra l-preżenza tal-HSBC f’Malta. Hu qal li diġà tkellem dwar dan mal-MFSA, iżda skont hu, il-laqgħa kienet biss

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni appellat li kampanja bħal dik li ssuġġerixxa l-MEP żgur mhijiex it-triq it-tajba fis-sitwazzjoni.

Hi fakkret fit-tħassib li kellhom ħafna, fosthom il-Partit Nazzjonalista, meta bdiet tiġri x-xniegħa li l-HSBC se jħalli pajjiżna għalkollox. U għalhekk, pjan bħal dan ikun biss katastrofiku.

Kristy Debono tenniet li hu biss tort tal-Gvern li spiċċajna f’din is-sitwazzjoni. Dan meta falla bil-kbir għax ħalla r-reputazzjoni ħażina tiddomina s-settur finanzjarju, filwaqt li ma ġġieled bl-ebda mod il-pjaga tal-ħasil tal-flus.