Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-liġi l-ġdida tal-midja se tipproteġi lill-minorenni minn kontenut awdjo-viżiv ta’ ħsara – Zammit Dimech

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech

Il-vot tal-lum dwar l-aġġornament tad-direttiva dwar il-midja awdjo-viżiva huwa pass importanti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-minorenni minn kontenut li jagħmel il-ħsara. “Huwa fatt magħruf li xi kontenut tal-midja huwa ta’ ħsara għall-minorenni. Huwa dmirna – bħala dawk li nfasslu l-politika – li niżguraw li t-tfal ikunu salvagwardjati minn kontenut bħal dan”, qal il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech.

Fi Strasburgu, l-MEP Zammit Dimech spjega li d-direttiva aġġornata tintroduċi regoli stretti dwar ir-reklamar u t-tqegħid ta’ prodott fi programmi tat-tfal inkluż it-tnaqqis tal-esponiment għall-pubbliċità għal ikel u xorb mhux tajjeb għas-saħħa.

L-MEP Zammit Dimech enfasizza l-importanza li jkun appoġġjat s-settur Ewropew tal-films. “Il-films huma parti mill-identità kulturali tagħna li aħna rridu nsaħħu” żied jgħid. B’dispożizzjonijiet ġodda, mill-inqas 30% tal-kontenut disponibbli kemm fuq it-TV kif ukoll fuq il-video on demand jeħtieġ li jkun xogħol Ewropew. Zammit Dimech qal “dan huwa kruċjali biex ninvestu aktar fl-artisti Ewropej u niżguraw li aktar kontenut jiġi ġġenerat biex jitgawda”.

Zammit Dimech irrefera wkoll għal aspetti importanti oħra tal-liġi l-ġdida inkluż il-ħarsien kontra l-inċitament għal vjolenza, mibgħeda u diskriminazzjoni, limitu ta’ reklamar (ir-reklamar jitħalla biss jieħu massimu ta’ 20% tal-ħin tax-xandir) u d-dritt għall dawk li jirċievu s-servizzi. “Dawn ir-regoli japplikaw għall-kontenut tal-midja kkonsumat online jew offline u għalhekk dan ir-regolament tal-UE issa huwa tajjeb għall-era diġitali.” żied Zammit Dimech.

Zammit Dimech tkellem ukoll dwar l-importanza tal-pluraliżmu tal-midja. “Is-soċjetajiet fl-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jiżguraw li l-midja tingħata l-ispazju meħtieġ biex tiżgura li n-nies tal-midja u l-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu b’libertà sħiħa. Ma nistgħux, fuq naħa, nitkellmu dwar il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu tal-midja, u fuq in-naħa l-oħra ma nkunux kapaċi niżguraw il-protezzjoni tal-ġurnalisti biex nasssiguraw li dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak ma jerġax iseħħ”, insista Zammit Dimech.

MEP Zammit Dimech kien ir-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE dwar il-pluraliżmu u l- libertà tal-midja u fi ħdan il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kultura u l-Edukazzjoni.