Ewropa Lokali

Malta fl-aħħar post

Malta qiegħda fl-aħħar post f’dik li hi l-istatistika maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea fl-użu ta’ dak li hu msejjaħ il-‘Junker Plan’  li teknikament jgħidulu l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

Din hi statistika maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea u minnha jirriżulta li ras għal ras, Malta qiegħda fl-aħħar post għal dak li jirrigwarda kemm il-Gvern juża l-flus disponibbli f’dan il-fond Ewropew.

Il-flus f’dan il-fond jistgħu jintużaw għal diversi proġetti kapitali li pajjiżna għandu bżonn u li minnhom jiggwadanja direttament il-poplu Malti u Għawdxi, fosthom il-mina għal Għawdex, il-breakwater, il-wind farms, is-solar farms u l-aktar importanti l-proġett ta’ żvilupp ta’ struttura li tiffaċilita t-trasport fil-pajjiż.

Jirriżulta li sa issa Malta ftit li xejn ħadet minn dan il-fond, preċiżament €11-il miljun u grazzi għal żewġ proġetti li saru: wieħed mal-ST Micro Electronics u ieħor mal-APS Bank.

Il-falliment ta’ pajjiżna fl-użu ta’ dawn il-fondi Ewropej jikkontrasta bil-kbir ma’ pajjiżi oħrajn li jagħmlu użu sħiħ minn dan il-fond, fosthom il-Lussemburgu li filwaqt li għandu l-istess kobor ta’ Malta, irnexxielu jieħu għaxar darbiet aktar minnha, preċiżament €104.

Dwar dan tkellimna ma’ Dr Peter Agius, li hu espert tekniku dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea u wkoll kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej.

Peter Agius kompla li l-politika ekonomika bla viżjoni ta’ bħalissa mhijiex se tgħin l-isforzi tagħna biex nattiraw pakkett ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea tajjeb u fuq l-istess livell li kiseb l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi għas-somma ta’ 1,128 biljun ewro.

Fir-reazzjoni tiegħu, l-MEP Alfred Sant minn Brussell din il-ġimgħa rrimarka li l-Pjan ta’ Juncker huwa diffiċli biex jiġi użat f’Malta minħabba l-modi li bih ġie mfassal u strutturat.

Ir-reazzjoni ta’ Alfred Sant tikxef ukoll l-impotenza ta’ dan il-Gvern li jbiddel l-affarijiet fl-Ewropa.