Lokali

Ir-rapport tad-due diligence fuq il-qagħda tas-sidien ta’ Vitals se jibqa’ mistur

Il-proċess ta’ due diligence li l-Gvern għamel dwar il-qagħda finanzjarja tas-sidien ta’ Vitals Global Healthcare se jibqa’ fil-kexxun minkejja li l-kumpanija ħarġet mill-kuntratt li kellha mal-Gvern biex tmexxi l-Isptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dan kien deċiż mill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia wara l-appell magħmul minn The Times of Malta. Fid-deċiżjoni tiegħu, Cachia qal li d-dokument ma jistax jinħareġ għax fih hemm dettalji personali li ma jistgħux ikunu ppubblikati.

Iżda mhux talli baqa’ ma jridx jippubblika dan ir-rapport, talli l-Gvern baqa’ lanqas ma qal liema kumpanija ta’ awditjar għamlet l-eżerċizzju qabel l-iffirmar mal-Vitals. Minflok, kien ippubblikat biss parti mill-kuntratt għax il-kumplament tiegħu kien immarkat b’kaxxi suwed.

U dan minkejja l-wegħdiet tad-Deputat Prim Ministru Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien wiegħed li l-kuntratt kien se jkun ippubblikat.

Bil-kuntratt mal-Gvern, Vitals suppost kienet marbuta tinvesti madwar €200 miljun fl-ewwel erba’ snin biex ikunu aġġornati diversi faċilitajiet fit-tliet Sptarijiet. U min-naħa tiegħu, il-Gvern kellu jħallas madwar €80 miljun fis-sena biex jikri l-faċilitajiet mediċi mingħand il-Vitals.

Skont il-ftehim, kellha tibda tinbena wkoll Skola Medika ġdida f’Għawdex. Iżda sa meta tal-Vitals telqu minn Malta, fil-post kien għad fadal biss toqba. Kellhom isiru wkoll għadd ta’ servizzi addizjonali, bil-Gvern iħallas għall-ispejjeż, iżda lanqas hawn baqa’ ma sar xejn.