Edukazzjoni Lokali

L-MUT tordna strajk tal-għalliema nhar it-Tnejn li ġej

L-MUT llejla ħabbret li ordnat strajk ta’ ġurnata nhar it-Tnejn 8 t’Ottubru għall-edukaturi kollha tal-skejjel tal-istat, tal-Knisja u indipendenti. Hija qalet li qed tistenna li l-gvern jirtira mmedjatament l-abbozzi mressqa minnu.

Dan wara li l-gvern illum ċaħad li hemm kwistjonijiet li huma bla preċedent. L-MUT kienet qed tirrefereri għat-tlett abbozzi tal-liġi dwar l-edukazzjoni li tressqu mill-Gvern fil-Parlament fil-jiem li għaddew. L-MUT qalet li dawn l-abbozzi se jkollhom implikazzjonijet wiesgħa fuq il-warrants tal-għalliema u fuq il-liċenzji l-ġodda pproposti għall-Kindergarten Educators u għall-Learning Support Educators. L-MUT kompliet tgħid li l-gvern għandu pjan li jimmina l-professjoni u l-istatus tal-għalliema permezz ta’ dawn l-abbozzi.

Għaldaqstant il-union iddikjarat tilwima ndustrijali mal-gvern b’ritaljazzjonai għall-kwestjonijiet ippreżentati minnha nhar it-Tlieta waqt konferenza stampa u ordnat strajk ta’ ġurnata fl-iskejjel kollha. L-edukaturi m’għandhomx jirrapurtaw għax-xogħol nhar it-Tnejn 8 t’Ottubru. Dan l-istrajk japplika wkoll għal edukaturi li jaħdmu f’servizzi, ċentri, dipartimenti u direttorati. Numru ta’ azzjonijet industrijali se jkunu qed jidħlu fis-seħħ wara l-istrajk, L-MUT ddikkjarat li kif l-edukaturi membri tagħha, kif ukoll dawk li mhumiex, se jkollhom il-protezzjoni tal-union waqt l-istrajk.

L-MUT ddikkjarat ukoll li l-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru, li huwa l-Jum Dinji tal-Għalliema bħala jum ta’ luttu għall-professjoni. Dakinhar il-membri huma mħeġġa jilbsu xi ħaġa sewda u jibdlu l-profili tagħhom fuq il-media soċjali għal ritratt li se jkun provdut għada.

Intant iktar tard illum il-Union of Profesional Educators – Voice of the Workers stqarret li se tkun qed tappoġġja lill-MUT fl-azzjonijiet li ordnat fosthom l-istrajk ta’ ġurnata nhar it-Tnejn.

L-UPE ħeġġet lill-membri tagħha u l-membri prospoettivi sabiex isegwu d-direttivi.

Huma qalu li se jkomplu jissieltu sabiex jiġu rtirati l-abbozzi li jkażbru l-professjoni tal-għalliema u li se jkunu qed jiltaqgħu ma’ uffiċċjali tal-gvern nhar il-Ġimgħa sabiex ikomplu jiddiskutu dawn l-abbozzi.