Lokali

Toroq ġodda, problemi antiki

Minkejja x-xogħlijiet li saru fit-toroq ta’ gżirijietna matul ix-xhur li għaddew, fl-aħħar 24 siegħa eluf ta’ studenti u ħaddiema sabu ruħhom imwaħħlin fil-vetturi tagħhom fi traffiku staġnat u b’għadd ta’ toroq imfawwrin bl-ilma.

Toroq li kienu parti minn proġetti ġodda u li suppost saru studji dwarhom sabiex jiġu evitati problemi ta’ ilmijiet, xorta imtlew b’ammonti kbar ta’ ilma u komplew ikkawżaw iktar traffiku hekk kif f’zoni fejn hemm żewġ karreġġjati, it-traffiku li kien għaddej seta’ biss jutilizza karreġġjata waħda.

Passiġġiera li dalgħodu għamlu użu mit-trasport pubbliku mill-Belt Valletta wrew id-diżappunt tagħhom għan-nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati ta’ lqugħ mix-xita għal min ikun qed jistenna l-karozzi tal-linja.

Jidher li l-problemi fit-toroq irriżultaw anke fi studenti li tħallew jistennew għal ħinijiet twal u oħrajn li baqgħu ma nġabrux għal kollox.

Fi tweet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li biex wasal mis-Siġġiewi sal-Imsida il-vjaġġ ħa sebgħin minuta, saħaq li f’dan il-vjaġġ beda jaħseb x’ħa jiġri meta se jiżdiedu 70,000 persuna barranija li se jinġiebu biex jaħdmu Malta.

Fis-sigħat li għaddew, post ta’ resident barrani li qed jgħix u jħallas it-taxxi f’pajjiżna ħoloq kontroversja wara li dan ir-raġel ikkritika bl-ikrah in-nuqqas ta’ ppjanar infrastrutturali f’pajjiżna. Hu qal li pajjiż ma jistax jasspira li jiżviluppa b’mod effiċċjenti u jbigħ propjeta’ li tiswa l-miljuni meta t-toroq u s-sistema tad-drenaġġ fost l-oħjrajn jinsabu fl-istat li qegħdin f’pajjiżna.

Sadanittant, f’diversi zoni madwar Malta dehru uffiċċjali tat-traffiku li minkejja l-maltemp kienu qegħdin jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex jgħinu biex tittaffa l-konġestjoni li kien hemm fit-toroq.

Il-Ministru Ian Borg illum jeħtieġ jispjega

Fi stqarrija il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista  għat-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina qal li l-Ministru Ian Borg nefaq ħafna flus pubbliċi biex fiż-żmien ta’ traffiku kajman fis-sajf jgħidilna x’suppost kien qed jagħmel fit-toroq bil-flus mill-Unjoni Ewropea li hu kien kontrihom qabel is-sħubija fl-Ewropa.

Huwa llum, imma, li l-Ministru Ian Borg jeħtieġ jitfaċċa u jispjega x’wassal għall-kaos fit-traffiku li Malta kollha kellha l-esperjenza tiegħu dalgħodu.

Il-problemi enormi fit-traffiku dalgħodu swew ħin prezzjuż u telf ta’ attività għal eluf kbar ta’ nies li sofrew mill-kollass fis-sistema taċ-ċirkolazzjoni f’pajjiżna b’mod li affettwa l-oqsma kollha, fosthom il-postijiet tax-xogħol, l-appuntamenti tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-turiżmu.

Il-kollass kien ukoll fit-trasport pubbliku li hu tant meħtieġ jekk tassew irridu li n-nies ikollhom għażla reali u vijabbli fit-trasport.

Wara li neffaq ħafna flus lit-taxpayer Malti u Għawdxi fil-propoganda, il-Ministru Ian Borg illum jeħtieġ jispjega, temm jgħid Toni Bezzina.