Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Aktar NGOs Maltin jipparteċipaw fid-dibattiti dwar il-kanċer

Zammit Dimech ifaħħar ir-rwol tagħhom fl-assistenza lill-pazjenti u lill-qraba

“L-NGOs tal-kanċer għandhom ikunu nvoluti fid-deċiżjonijiet li jittieħdu b’rabta mal-kanċer. Jiena rrid li NGOs Maltin f’dan is-settur jkunu f’aktar kuntatt mal-NGOs Ewropej biex jitgħallmu u jaqsmu l-prattiċi flimkien. Dan hu importanti biex jagħtu lill-pazjenti Maltin u lill-qraba tagħhom dejjem servizz aħjar.” L-MEP Francis Zammit Dimech kien qed jitkellem fid-dawl ta’ tliet dibattiti dwar il-kanċer li saru fil-Parlament Ewropew.

F’Malta, hemm 2,000 każ ġdid u 900 mewta kull sena kkawżati mill-kanċer, u skont rapporti riċenti, ir-rata tal-każijiet tal-kanċer se tiżdied b’49% sas-sena 2030. “Dan ifisser li rridu nagħmlu ferm aktar biex inreġġgħu lura dawn ix-xejriet allarmanti. Għalhekk iddeċidejt li npoġġi l-kanċer bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħi fil-Parlament Ewropew,” żied Zammit Dimech.

Claire Chircop, mill-Karl Vella Goundation, li pparteċipat f’dawn id-dibattiti, emfażizzat il-bżonn tal-appoġġ mhux biss lill-pazjenti, iżda anke lill-membri tal-familja. Hi qalet li l-fondazzjoni qed tassisti tfal ta’ bejn il-5 u s-17-il sena li għandhom membri tal-familja li għandhom il-kanċer. Hi żiedet tgħid li l-fondazzjoni tagħti assistenza psikoloġika, inkluż servizz one-to-one, grazzi għall-għajnuna tal-professjonisti u l-voluntiera.

Zammit Dimech qiegħed f’kuntatt mal-NGOs Maltin li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer, biex jiffaċilità l-prattiċi tajbin mal-NGOs Ewropej, permezz tal-Assoċjazzjoni tal-European Cancer Leagues (ECL) – organizzazzjoni mhux governattivi li tiġbor numru ta’ għaqdiet Ewropej, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali, li iżda m’għandha ebda membru Malti sa issa. Hu stieden lil diversi NGOs, inkluż lill-Karl Vella Foundation, Europa Donna u Hospice Malta biex jingħaqdu miegħu għal dawn id-dibattiti fil-Parlament Ewropew, bil-għan li titfassal politika aħjar kontra l-kanċer. Fil-ġimgħat li ġejjin, l-NGOs Maltin se jipparteċipaw f’dawn id-diskussjonijiet, inkluż il-Fondazzjoni Action For Breast Cancer.

Zammit Dimech, li hu membru tal-MEPs Kontra l-Kanċer, grupp ta’ ħidma magħmul minn MEPs minn gruppi politiċi differenti, ddedikat fuq il-ħidma kontra l-kanċer, qal li hemm bżonn li jiżdiedu l-fondi Ewropej għar-riċerka tal-kanċer. Zammit Dimech qal ukoll li l-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew qed jinsisti biex l-UE tirdoppja l-flus għar-riċerka dwar il-kanċer, u biex tinvesti aktar fir-riċerka dwar il-kanċer fit-tfal. Hu qal ukoll li għandha ssir aktar koperazzjoni bejn ir-riċerkaturi fl-UE, b’mod partikolari biex jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar tipi ta’ kanċer rari, u biex ikun iffaċilitat l-iżvilupp tal-mediċina u t-trattament.

Zammit Dimech hu wkoll ir-rapporteur fin-negozjati dwar limiti ta’ espożizzjonijiet ġodda fuq ħames sustanzi li jwasslu għall-kanċer fuq il-post tax-xogħol. Il-proposti għandhom iwasslu għal aktar postijiet tax-xogħol li jkunu siguri. Il-Kumitat tal-Affarijiet Legali, li Zammit Dimech hu membru tiegħu, se jivvota fuq din il-proposta l-ġimgħa d-dieħla.

FILMAT: Zammit Dimech jaħdem ma’ organizzazzjonijiet lokali biex il-ġlieda kontra l-kanċer tkun prijorità Ewropea