Ewropa Internazzjonali

Franza tlesti għal kull eventwalità rigward il-Brexit

Il-Gvern Franċiż żvela l-pjani tiegħu għall-possibbiltà li s-sena d-dieħla, ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun hemm ftehim minn qabel.

Tħabbar li fost l-affarijiet, diġà beda r-reklutaġġ ta’ uffiċjali tad-dwana biex jaħdmu tul il-fruntiera li se jkun hemm tul il-Kanal Ingliż.

Nathalie Loiseau, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Ewropej, insistiet li din il-leġiżlazzjoni setgħet tinbidel minn ħin għal ieħor peress li kien għad hemm ħafna inċertezzi. Il-liġi li kienet ippreżentata tkopri ċ-ċittadini Franċiżi li jgħixu fir-Renju Unit u dawk mir-Renju Unit li jgħixu fi Franza fl-eventwalità li ma jkunx hemm ftehim. Dan apparti kif se jaħdmu n-negozji fl-istess eventwalità.

Ir-Renju Unit jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu.

Loiseau insistiet li kien għad hemm il-possibbiltà li l-Gvern ta’ Londra jilħaq ftehim dwar il-Brexit, imma wieħed ried ikun lest għal kull eventwalità.

Hija qalet li wieħed irid jassigura li jekk mas-sebħ tat-30 ta’ Marzu, ir-Renju Unit ikun telaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim, iċ-ċittadini mir-Renju Unit fi Franza ma jsibux ruħhom bħala immigranti irregolari. Hija qalet li Franza kienet qed tfittex arranġamenti reċiproċi bejn Londra u Pariġi rigward iċ-ċittadini rispettivi li jgħixu hemmhekk. Hi qalet li bħal ma jkunu stmati ċ-ċittadini Franiżi fir-Renju Unit kienu se jkunu dawk mir-Renju Unit fi Franza.

Il-liġi se tipproteġi wkoll id-drittijiet tal-Franċiżi li jkunu qed jirritornaw mir-Renju Unit billi fost l-oħrajn jingħata għarfien lill-kontrubizzjonijiet għall-pensjoni li jkunu tħallsu fir-Renju Unit jew għall-klawifiċi akkademiċi li jkunu nkisbu hemmhekk.

Dan apparti miżuri oħra għaċ-ċaqliq ta’ nies u prodotti bejn iż-żewġ pajjiżi u l-arranġamenti għall-importazzjoni u l-esportazzjoni.

Il-Membri Parlamentari Franċiżi se jibdew jiddiskutu din il-liġi f’Novembru u l-uffiċjali Franċiżi qalu li nuqqas ta’ qbil kien se joħloq problemi kbar legali, loġistiċi u ta’ sigurtà mhux biss għal Franza imma għall-bqija tal-Unjoni Ewropea wkoll.