Internazzjonali

Polemika dwar l-abort fl-Irlanda

Fl-Irlanda feġġet polemika dwar dawk it-tobba li ma jridux jirrakkomandaw lil mara għal abort.
Dan hekk kif nhar il-Ħamis tressaq l-abbozz biex fil-pajjiż ikunu introdotti servizzi ta’ abort. Tobba li ma jaqblux mal-abort qed isostnu li huma ma jridux li jkunu sfurzati jirrakkomandaw mara lil tabib ieħor biex tagħmel abort.

L-abbozz jippermetti li t-tobba jirrifjutaw li jagħmlu abort imma jridu jirreferu lil mara lil tabib ieħor li jkun lest jagħmel abort.

Harris qal li filwaqt li ma jsibx oġġezzjoni li tabib jirrifjuta li jagħmel abort, ma kienx jaqbel li dawn ma jirrakkomandawx tabib li jkun lest jagħmel dan.

F’Mejju fl-Irlanda kien sar referendum dwar jekk fil-pajjiż għandux jitħalla jsir l-abort bla xkiel. Mal-preżentazzjoni tal-abbozz, Simon Harris, il-Ministru tas-Saħħa, qal li t-tir kien li jibda jkun hemm servizzi tal-abort f’Jannar tal-2019.

L-abbozz jippermetti biex abort ikun jista’ jsir sat-12-il ġimgħa ta’ tqala, fil-każ li fit-tarbija jkun hemm abnormalità fatali jew fejn is-saħħa kemm fiżika jew mentali tal-omm tkun f’periklu.

Harris żied li l-abort se jibda jingħata b’xejn bħala parti mis-servizzi tas-saħħa li joffri l-Gvern.