Futbol Sport

UEFA NATIONS LEAGUE: Konfermata l-iskwadra ta’ Malta għal kontra l-Kosovo u l-Ażerbajġan

Il-kowċ nazzjonali ta’ Malta, Ray Farrugia, ikkonferma skwadra ta’ 24 plejer għal-logħbiet li jmiss tal-UEFA Nations League kontra l-Kosovo, fil-11 ta’ Ottubru u l-Ażerbajġan, fl-14 ta’ Ottubru.

Iż-żewġ impenji huma minn Malta u Farrugia żamm fiduċja d’f’ħafna plejers li kienu fl-iskwadra għall-impenji tax-xahar li għadda f’din il-kompetizzjoni, fejn it-tim kien tilef, 1-3, mal-Gżejjer Faroe qabel kiseb draw, 1-1, mal-Ażerbajġan, f’Ta’ Qali.

Farrugia qal li l-iskwadra tinkludi l-maġġoranza tal-plejers li kienu involuti fl-ewwel logħbiet tal-Grupp D3 u meta hu u l-istaff tekniku tiegħu segwew b’attenzjoni l-forma tal-plejers Maltin fil-kompetizzjonijiet domestiċi ‘bl-għażla tal-iskwadra tiddependi fuq l-evalwazzjonijiet (tal-plejers) u l-analiżi tal-istatistika tal-wirjiet rispettivi’.

Erba’ plejers li rritornaw mal-iskwadra huma l-midfielder ta’ Hibernians, Bjorn Kristensen; Clayton Failla ta’ Floriana u Cain Attard u Jake Grech ta’ Birkirkara.

‘Qegħdin intellgħu 24 plejer peress li Joseph Zerafa hu sospiż għal-logħba tal-Kosovo iżda mistenni jkun inkluż fit-tim għat-tieni logħba ta’ Malta mal-Ażerbajġan, ‘ spjega Farrugia.

Andre Schembri, li jilgħab mal-klabb Ċiprijott, Apollon Limassol, hu l-uniku plejer ibbażat barra li hu inkluż fl-iskwadra. Dan għaliex id-difensur Zach Muscat li jilgħab ma’ Pistoiese fl-Italja u li tilef id-draw ma’ Ażerbajġan għadu mhux f’sikktu mija-fil-mija. Intant, Luke Gambin talab biex ma jkunx ikkunsidrat għal mal-iskwadra biex jikkonċentra fuq l-impenji tiegħu ma’ Crawley Town, f’League Two tal-Ingilterra.

Il-Kosovo huma l-liders tal-Grupp (D3) u Farrugia jaf li l-konfront ma’ dan it-tim se jkun iebes ħafna, l-istess bħal-logħba kontra l-Ażerbajġan fil-Baku Olympic Stadium.

Il-kowċ nazzjonali qal li ż-żewġ avversarji li se tikkonfronta Malta t-tnejn huma favoriti għar-rebħ tal-grupp u meta hu jikkunsidra lill-Kosovo bħala l-aktar tim b’saħħtu. Madankollu, Farrugia hu fiduċjuż li l-Maltin jistgħu jaqtgħu figura tajba fiż-żewġ logħbiet u b’mod partikulari jekk il-plejers Maltin jaffrontaw l-impenji bl-istess grinta u determinazzjoni li wrew kontra l-Ażerbajġan, ftit tal-ġimgħat ilu.

It-tim nazzjonali Malti, nhar it-Tlieta, jivvjaġġa lejn il-Kosovo, permezz ta’ titjira charter.

L-iskwadra ta’ Malta

Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta); Andrew Hogg (Hibernians); Steve Sultana (Balzan).

Difensuri: Andrei Agius (Hibernianss); Ferdinando Apap (Victoria Hotspurs); Cain Attard (Birkirkara); Steve Borg (Valletta); Ryan Camilleri (Valletta); Clayton Failla (Floriana); Michael Johnson (Balzan); Jospeh Mbong (Hibernians); Joseph Zerafa (Valletta) *
Midfielders: Roderick Briffa (Gżira Utd); Juan Corbolan (Gżira Utd); Pauol Fenech (Birkirkara); Jake Grech (Birkirkara); Bjorn Kristensen ( Hibernians); Rowen Muscat (Valletta); Steve Pisani (Floriana).

Attakkanti: Andrew Cohen (Gżira Utd); Alfred Effiong (Balzan); Jean Paul Farrugia (Sliema W); Michael Mifsud (Birkirkara); Andre Schembri ( Limassol, Ċipru)

*Joseph Zerafa jista’ ikun ikkunsidrat biss għat-tieni logħba