Lokali

Tħabbret il-mewt ta’ Victor J Gauci; kellu karriera diplomatika ta’ madwar 40 sena

Tħabbret il-mewt tal-Ambaxxatur Victor J Gauci, li kellu karriera diplomatika ta’ madwar 40 sena, fosthom fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti.

Meqjus bħala wieħed mill-pijunieri tas-Servizz Diplomatiku Malti, Gauci serva fost l-oħrajn 20 sena jaħdem fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti fi New York u f’Ġinevra.

Victor J Gauci kien involut ukoll b’ħidma diplomatika fil-kisba tal-Indipendenza u biex pajjiżna seta’ jkun elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn għal xi żmien kien ukoll President.

Hu kien ukoll Konsulent ta’ tliet Prim Ministri u Ministri tal-Affarijiet Barranin.

Fost dawk li sellmu l-memorja ta’ Victor J Gauci kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li fuq Facebook wassal ukoll il-kondoljanzi lill-qraba tiegħu.

NET News jingħaqad fil-kondoljanzi lill-Familja Gauci.