Lokali

Il-Ministru Evarist Bartolo jammetti li fl-iskejjel hemm ħafna aktar problemi

Ma jazzardax jinċensa lill-Prim Ministru għax jistordieh – iżda ma jiddejjaq xejn jinċensa lill-għalliema

Nasal biex ngħid li dak li seħħ u ntqal din il-ġimgħa żgur li ma kinetx ir-raġuni vera l-għaliex l-għalliema kienu qed jheddu lill-pajjiż b’azzjoni industrijali.

Dan saħqu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo fl-Attività Politika tal-Partit Laburista fiż-Żejtun hekk kif insista li dan kollu li seħħ fl-aħħar jiem kienet biss sulfarina li qabdet il-porvli li ilu jinġemgħa tul dawn l-aħħar ħames snin.

Il-Ministru bla ebda dubju ammetta l-problemi li ta’ kuljum l-edukaturi jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom.

Filwaqt li Evarist Bartolo xtaq jippreċiża u javża lill-gżejjer Maltin li l-ġimgħa l-oħra kiel ftira biż-żejt miż-Żejtun, li tant impressjonatu li fetaħ u għalaq diskorsu biha, huwa insista li l-vantaġġ ta’ dan il-Gvern huwa li mhux rasu iebsa, iżda ma xtaqx jinċensa u jfaħħar lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan għax skontu l-inċens jgħama u jistordi lil dak li jkun.

Madanakollu ma ddejjaq xejn jinċensa lill-għalliema fejn wara ħames snin ma jismax it-talbiet tagħhom, wara ħames snin iroxxilhom il-bżar fil-għajn sabiex mingħalieh jalqilhom ħalqhom – illum appella għar-rispett li għandu juri l-pubbliku lill-għalliema.

Illum il-Ministru Evarist Bartolo dehrlu li kellu jammetti li sabiex tkun edukatur f’dawn iż-żminijiet li qed ngħixu fihom huwa diffiċli ħafna.

Il-Ministru rrakkonta storja, waħda mill-ħafna, li jħabbtu wiċċhom l-edukaturi u l-LSEs. Storja ta’ LSE li kellha tkun hi li tidentifika tfajjel ta’ 15-il sena li kien ilu nieqes mid-dar jumejn.

Il-Ministru Evarist Bartolo insista li l-ġlieda ta’ dan il-Gvern fil-qasam tal-Edukazzjoni huwa li jkompli jsaħħaħ lill-istudenti. Dan minkejja li bħal ma’ ammetta l-Ministru stess, hemm ħafna aktar sfidi li għandhom jiġu riżolti.