Lokali

“Mar l-għassa ta’ San Ġilajn mimli demm” – Sqalli jinżamm arrestat wara li attakka Taljan ieħor

Sqalli minn Palermo nżamm arrestat wara li attakka b’daqqa ta’ sikkina lil żagħżugħ Taljan ieħor f’argument f’appartament fejn jgħixu t-tnejn li huma.

Il-każ seħħ is-Sibt tal-ġimgħa li għaddiet, meta Mirko Basile (fir-ritratt) ta’ 22 sena minn Casarsa, kien involut fl-argument u ġie aggredit għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu minn sieħbu, tal-istess eta’. Fortunatament, minflok irritalja, hu ħarab mill-appartament biex ħelisha milli jiġi attakkat mill-ġdid.

Net News hu nfurmat li mill-appartament, hu ħarab lejn l-Għassa ta’ San Ġiljan, mimli demm, fejn talab l-għajnuna tal-Pulizija li ċemplu għall-ambulanza u possibbilment salvawlu ħajtu bl-azzjoni immedjata tagħhom.

Il-vittma għall-ewwel deher f’kundizzjoni gravi, għalkemm fortunatament qaleb għall-aħjar grazzi għall-kura li ngħata fl-Isptar Mater Dei. Hu ilu għall-aħħar xhur jgħix f’pajjiżna, fejn jaħdem.

Il-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, li wieġeb mhux ħati, anke fid-dawl li l-Pulizija qed tipprova tikseb iktar xhieda.