Futbol Sport

Marsaxlokk jakkwistaw lil Andrija Vlahovic

Andrija Vlahovic (it-tieni mil-lemin) (Ritratt: Martin Agius)

Minkejja li l-kampjonat tas-sajf tal-waterpolo spiċċa madwar xahar ilu, Marsaxlokk Brown’s Pharmacy baqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom biex isaħħu l-iskwadra bi preparazzjoni għas-sena d-dieħla. Huma ħabbru li akkwistaw lill-Kroat Andrija Vlahovic bħala l-ewwel barrani tagħhom għall-istaġun li ġej.

Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Vlahovic f’pajjiżna hekk kif fl-aħħar żewġ staġuni tas-sajf lagħab ma’ Marsaskala. Hu kien l-aktar plejer influwenti tat-tim immexxi minn Pierre Borg hekk kif spiċċa fiż-żewġ okkażjonijiet bħala l-aqwa skorer tal-Ewwel Diviżjoni.

Fl-2017, Vlahovic skorja 50 gowl minn 12-il logħba fil-kampjonat filwaqt li f’dan l-istaġun skorja 39 gowl minn 14-il logħba tal-kampjonat.

Dan is-sit għamel kuntatt mat-Team Manager ta’ Marsaxlokk Joe Cremona, fejn qal li dan hu wieħed mill-aqwa akkwisti li Marsaxlokk għamlu, u saħaq li hi kontinwazzjoni fuq l-aħħar snin biex ikollhom staġun aħjar is-sena d-dieħla. Hu żied li l-klabb qed jaħdem biex ikollu tim aħjar minn din is-sena.