Lokali

Aktar direttivi mill-UPE għall-iskejjel tal-Knisja

Il-Union of Professional Educators ħabbret li l-membri varji tagħha li jaħdmu fi skejjel tal-Knisja ġew informati mis-superjuri tagħhom li d-direttivi maħruġa fis-27 ta’ Settembru, 2018, mhux qed jiġu rikonoxxuti mis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika.

Dan ifisser li t-tmexxija fl-Iskejjel tal-Knisja qed iwaqqfu lill-membri tagħhom milli jeżerċitaw id-dritt li jissieħbu ma’ assoċjazzjoni. Fi stqarrija l-UPE saħqet li s-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika għandhom iħallu lill-ħaddiema jeżerċitaw dak li huwa bi dritt tagħhom mingħajr il-biża’ li jsofru minn azzjoni dixxiplinari. Għaldaqstant l-union saħqet li ser tibqa’ tipproteġi lill-membri tagħha.

B’hekk il-UPE insistiet li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ tippersisti l-membri tagħha huma mħeġġa sabiex; l-LSEs m’għandhomx joħroġu mill-klassijiet sabiex jissostitwixxu dawk l-LSEs li jkunu ma jifilħux jew mhux disponibbli, li jaħdmu ma’ studenti li għandhom bżonn attenzjoni individwali. L-UPE saħqet li din tkun ta’ detriment ankè għall-istudent. L-għalliema u l-LSEs għandhom jattendu għas-sessjonijiet tal-Individual Educational Programm u l-End of Year Report biss jekk il-Kap tad-Dipartiment tas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika jkun preżenti.

Dan filwaqt li insistew li l-għalliema li għandhom ‘work load’ ta’ 25 lezzjoni m’għandhomx jingħataw xoħol żejjed. Dan ifisser li huma mħeġġa mill-union sabiex ma jattendux għal-laqgħat dwar is-suġġett, ma jinvolvux ruħhom fi dmirijiet tal-SDP group kif ukoll m’għandhomx jingħataw pożizzjoni ta’ Form Teacher jew Assistant Form Teacher.