Lokali

Appell lill-Gvern biex tiġi stabbilita inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia

M'hemm xejn ta’ biża' minn din l-inkjesta, imma l-verità

24 organizzazzjoni internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni ffirmaw ittra indirizzata lill-Prim Ministru Joseph Muscat fejn qed jitolbu biex issir inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fl-ittra tagħhom huma saħqu li wara l-qtil tal-ġurnalista li seħħ fis-16 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, l-awtoritajiet Maltin bdew proċedimenti kriminali fil-konfront tal-irġiel li allegatamanet poġġew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Però l-ebda proċess mhu qed jinvestiga l-mistoqsija iktar serja jekk il-Gvern Malti hux responsabbli għaċ-ċirkostanzi li wasslu għall-qtil ta’ Caruana Galizia.

Artiklu 2 tal-Konvenzoni Ewropea dwar id-Drittiijet tal-Bniedem jeħtieġ li Malta, bħala stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tikkonforma mal-obbligu protettiv tagħha. Dan billi teżamina jekk Malta tafx jew kellhiex tkun taf b’riskju reali u immedjat fuq Daphne Caruana Galizia. X’passi ttieħdu mill-Gvern Malti biex iħarsu lil Caruana Galizia u x’passi se jittieħdu f’Malta biex il-Gvern jipprevjeni imwiet futuri ta’ ġurnalisti u attivisti kontra l-korruzzjoni?

Fid-9 ta’ Awwissu 2018, grupp ta’ avukati ħarġu opinjoni legali fejn sabu li Malta ma fetħitx inkjesta dwar jekk l-Istat Malti huwiex responsabbli għat-telf tal-ħajja ta’ Caruana Galizia. Wara l-opinjoni legali, il-familja ressqet talba lill-Gvern. Din it-talba kienet tinkludi li tiġi stabbilita inkjesta pubblika taħt l-Att dwar l-Inkjesti li hija kompletament indipendenti mill-Pulizija, il-Gvern u l-politiċi Maltin, u li hija mmexxija minn panel ta’ mħallfin internazzjonali rreġistrati, jew individwi kkwalifikati mingħajr rabtiet politiċi jew governattivi.

L-24 organizzazzjoni jappoġġaw bis-sħiħ din it-talba. Huma jħeġġu lill-Prim Ministru biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u jwieġeb immedjatament u b’mod pożittiv għat-talba tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-ħarsien tal-ħajja u tal-vuċijiet tal-ġurnalisti f’Malta u madwar l-Ewropa jiddependi fuq din l-inkjesta pubblika. M’hemm xejn ta’ biża minn din l-inkjesta imma l-verità.

Huma jtemmu l-ittra billi jgħidu li l-ogħla prijorià tagħhom tibqa’ li ssir ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u jkun hemm protezzjoni għal dawk li jkomplu l-wirt tagħha.