Lokali

FILMAT: Kun raġel – fittex l-għajnuna!

L-Erbgħa 10 t’Ottubru, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tiċċelebra l-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, bil-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà din is-sena tiffoka fuq ir-rata allarmanti ta’ suwiċidji minn irġiel f’pajjiżna.

Ir-riċerka turi li l-maġġoranza tas-subien bejn l-14 u l-15-il sena qed isibuha iktar u iktar diffiċli biex jikkomunikaw l-emozzjonijiet tagħhom, u biex jaqsmu x’qed iħossu.

Iċ-ċifri juru li l-maġġoranza ta’ dawk li jagħmlu suwiċidju huma rġiel. F’pajjiżna, fl-2017, 20 minn 25 li għamlu suwiċidju kienu rġiel. Fl-ewwel sitt xhur tal-2018, 10 minn 12 li għamlu suwiċidju kienu rġiel.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnieda wkoll messaġġ uffiċjali biex l-irġiel ifittxu l-għajnuna, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca enfasizzat l-importanza li tkun miġġielda l-istigma li l-irġiel m’għandomx juru dgħufija.

Il-psikjatra David Cassar appella li wasal iż-żmien li jiżviluppa servizz speċifiku biex ikun hemm prevenzjoni tas-suwiċidju … xi ħaġa li magħha qabel il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia hekk kif innota li l-irġiel kapaċi jfittxu l-għajnuna jekk isibu għajnuna speċifika għall-bżonnijiet tagħhom.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Stephen Spiteri, Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, f’turija ta’ appoġġ għal din il-kampanja hekk importanti.