Internazzjonali

Iċ-Ċina tikkonferma li l-Kap tal-Interpol qed jinżamm ‘taħt investigazzjoni’

L-awtoritajiet taċ-Ċina kkonfermaw li l-Kap tal-Interpol, Meng Hongwei – li kien ilu żmien nieqes – qed jinżamm taħt detenzjoni. Is-sorsi f’Beijing qalu wkoll li Meng qed ikun investigat mill-entità nazzjonali għal kontra l-korruzzjoni b’konnessjoni ma’ ‘illegalitajiet’ li ma kenux speċifikati.

Meng, li hu wkoll viċi-ministru għas-sigurtà pubblika fiċ-Ċina, kien ġie rrappurtat nieqes wara vjaġġ minn Lyon (fejn hu bbażat l-Interpol) fi Franza lejn iċ-Ċina, fil-25 ta’ Settembru. L-Interpol, intant, qal li, nhar il-Ħadd, kien irċieva r-riżenja ta’ Meng mill-Presidenza, b’effett immedjat.

Sadattant, il-mara ta’ Meng qalet lill-ġurnalisti li żewġha – proprju dakinhar li kien irrappurtat nieqes – kien bagħtilha emoji b’emblema ta’ sikkina, f’messaġġ fuq il-medja soċjali. Grace Meng kompliet li l-każ ta’ żewġha se jkun taħt l-iskrutinju ‘tal-liġi internazzjonali u tal-opinjoni pubblika internazzjonali’.

Issa – u wara jiem ta’ spekulazzjoni dwar Meng Hongwei — il-Kummissjoni taċ-Ċina għal Superviżjoni (l-entità għal kontra l-korruzzjoni) ħarġet stqarrija biex tgħid li hu jinsab taħt investigazzjoni. Din il-kummissjoni hi nkarigata, fuq kollox, biex tindaga dwar każi li jinvolvu lill-uffiċjali pubbliċi.

L-għajbien ta’ Meng, fil-fatt, hu l-aħħar f’sensiela ta’ każi simili li kienu jinvolvu persuni ta’ profil għoli fiċ-Ċina. Dan meta fl-aħħar xhur, kienu għebu numru ta’ uffiċjali ewlenin tal-Gvern, flimkien ma’ biljunarji – b’dawn il-każi ma jinvolvux biss persuni qrib tal-amministrazzjoni jew l-ekonomija.

Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, l-attriċi Ċiniża, Fan Bingbing, li kienet għebet fiċ-Ċina, f’Lulju, dehret mill-ġdid fil-pubbliku fejn talbet apoloġija hi u taċċetta multa enormi ‘ta’ miljuni kbar’ għal evażjoni tat-taxxa u ‘abbużi oħra’.

Intant, is-sitwazzjoni ta’ Meng Hongwei hi anki misterjuża meta l-korrispondenti jaqblu li l-pożizzjoni għolja tiegħu mal-Interpol kienet xi ħaġa ‘ta’ unur’ għal Beijing. Fl-istess ħin hemm numru ta’ domandi dwar ‘min seta’ spiċċa rrabjat bl-aġir ta’ Meng’ u x’seta’ għamel dan l-uffiċjal biex jisfa mira, bħala parti mill-kampanja kontra l-korruzzjoni li qed imexxi l-President taċ-Ċina, Xi Jinping.