Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinsisti li ssir inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia – David Casa

Wara dak żvelat minn The Daphne Project illejla, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa insista mal-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel pressjoni biex issir inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

F’ittra mibgħuta mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans u l-Kummissarju għall-Ġustizzja Vera Jourova, l-MEP David Casa ħa nota ta’ dak li sar magħruf dwar rabta akbar bejn l-allegati qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia u Ministru fil-Gvern ta’ Muscat.

David Casa qal: “L-aħħar żviluppi jridu jitqiesu f’kuntest ta’ politiċi korrotti li nkixfu mill-istejjer ta’ Daphne Caruana Galizia, u li għadhom fil-karigi ta’ poter fil-Gvern. Kemm iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, baqgħu fil-karigi tagħhom minkejja li bil-Panama Papers inkixfu li fetħu kumpaniji offshore bl-intenzjoni li jgħaddulhom ammonti kbar ta’ flus mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jinsisti li ma ssirx inkjesta pubblika, u x-xahar li għadda, r-rappreżentant tal-Gvern Malti fil-Kunsill tal-Ewropa għamel attentat biex jitneħħa l-mandat tal-MP Olandiż Pieter Omtzigt bħala r-rapporteur tal-Kunsil tal-Ewropa li jsegwi l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”

David Casa qal li issa hu aktar ovvju għalfejn ir-raġuni wara r-reżistenza għal skrutinju dwar rwol ta’ Gvern Malti fil-qtil. Casa staqsa lill-Kummissjoni biex tassigura li s-saltna tad-dritt tkun tapplika fl-Istati Membri, u li ma jkunx hemm tolleranza għall-possibilità ta’ kompliċità tal-istat fil-qtil tal-ġurnalisti.

“Kruċjali li ssir inkjesta pubblika li tkun indipendenti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinsisti li din tibda immedjatament,” qal David Casa.