Internazzjonali

29 rapport minn Malta ta’ persuni jsostnu li raw lit-tifla f’Malta

DOSSIER DETTALJAT DWAR L-GĦAJBIEN TAĊ-ĊKEJKNA MADELEINE McCANN JURI LI SARU RAPPORTI DWAR ALLEGAZZJONIJIET TA’ PREŻENZA FI 8,685 ĊIRKOSTANZA F’101 PAJJIŻ DIFFERENTI

Sa mill-għajbien tagħha fil-Portugall f’Mejju tal-2007, jirriżulta li saru lill-awtoritajiet xejn inqas minn 8,685 rapport f’101 pajjiż differenti minn persuni li allegaw li rawha f’ċirkostanzi differenti.
Interessanti li l-awtoritajiet kellhom xejn inqas minn 29 rapport formali li saru f’pajjiżna minn persuni li allegaw li rawha hawnhekk fil-preżenza ta’ terzi persuni.

L-aktar rapport li ttieħed b’serjetà dwar il-possibbiltà ta’ preżenza f’Malta kien dak tal-20 ta’ Lulju tal-2007 meta koppja residenti f’lukanda f’San Ġiljan kienet qalet li kienet rat lit-tifla Madeleine McCann twerżaq f’wieħed mill-kurituri tal-istess lukanda.

F’dak ir-rapport partikolari l-koppja kienet irrappurtat ukoll li immedjatament it-tifla kienet meħuda f’daqqa mill-post fejn kienet minn koppja hekk kif xi nies oħrajn fil-lukanda kienu ħarġu minn fejn kienu biex jaraw x’kien ġara kaġun ta’ dak it-twerżiq.

Minkejja dan ir-rapport u oħrajn, li wkoll ittieħdu b’serjetà kbira u li ġraw f’pajjiżi oħrajn, Madelein McCann baqgħet unaccounted for sal-ġurnata tal-lum. Ebda ħjiel tanġibbli dwar x’ġara minnha darba hi nħatfet waqt li kienet għall-vaganzi flimkien mal-ġenituri tagħha fir-resort ta’ Praia da Luz fil-Portugall. Dakinhar iċ-ċkejkna Madelein McCann kellha biss tliet snin.

Dossier formali mill-awtoritajiet juri li b’kollox f’dawn il-ħdax-il sena saru 8,685 rapport minn persuni li allegaw li rawha f’xi post. Prattikament f’kull pajjiż madwar il-globu kien hemm rapporti f’dan is-sens li qatt ma kienu konfermati minkejja l-investigazzjonijiet li saru.

Naturalment l-aktar rapporti serji dwar il-possibbiltà ta’ preżenza tagħha kienu dawk rappurtati ftit sigħat jew ġranet mill-ħtif tagħha.

Rapport partikolari li kien ingħata ħafna piż mill-Pulizija kien dak li kien juri filmat ta’ CCTV b’tifla tixbah ħafna lil Madelein McCann.

F’dan il-filmat Madelein McCann tidher fil-preżenza ta’ żewġt irġiel u mara biswit pompa tal-petrol fil-villaġġ ta’ Nelas.

Minn Malta biss irriżultaw 29 rapport dwar dan l-għajbien biex b’hekk Malta hi fost il-pajjiżi li l-aktar li saru rapporti minnha dwar din it-tifla misterjuża. L-awtoritajiet tal-Pulizija jsostnu li l-ebda wieħed mill-eluf ta’ rapporti li kellhom ma ttieħed bħala ċajta u r-rapporti kollha ngħataw importanza u konsiderazzjoni serja min-naħa tagħhom.