Lokali

Allegazzjonijiet ġodda kontra Chris Cardona

Żvelat l-involviment ta' persuna oħra bejn Chris Cardona u Alfred Degiorgio

Il-ġurnalisti internazzjonali li jiffurmaw parti minn The Daphne Project għadhom kif żvelaw allegazzjonijiet ġodda serjissimi fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona, u r-rabta li potenzjalment teżisti bejnu u bejn wieħed mill-persuni akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

The Daphne Project qed jiffoka l-investigazzjoni ġurnalistika tiegħu propju fuq Chris Cardona. Il-Ministru minn naħa tiegħu lbieraħ ċaħad dawn l-allegazzjonijiet ġodda, bl-istorja tkun ippubblikata wkoll fuq il-ġurnal awtorevoli Taljan La Repubblica.

Anke d-deputat Jason Azzopardi qajjem din il-kwistjoni ilbieraħ fil-Parlament.

La Repubblica jikteb illi Chris Cardona deher diversi drabi ma’ Alfred Degiorgio, wieħed mill-persuni akkużati bl-assassinju ta’ Caruana Galizia. Il-ġurnal Taljan u l-ġurnalisti ta’ The Daphne Project qed jinsistu li jeżistu call logs illi juru r-rabta bejn Degiorgio u Chris Cardona, sena qabel id-delitt.

Dak iż-żmien, Caruana Galizia kienet qed tinvestiga storja fuq it-traffikar illegali taż-żejt. Il-ġurnalista, kienet fil-fatt ċemplet lil persuna li hu sid ta’ lanċa, allegatament involut f’dan it-traffikar. U wara, skont The Daphne Project, l-istess sid ta’ din id-dgħajsa kien ċempel kemm lil Chris Cardona u anke lil Alfred Degiorgio.

Jidher li The Daphne Project provaw jieħdu l-kummenti tal-Ministru, iżda hu ma riedx jitkellem dwar dawn it-telefonati.

Dawn l-iżviluppi ġodda ġew rappurtati mill-media lokali kollha, għajr għax-xandir nazzjonali.