Internazzjonali

Il-Bulgarija: Raġel Rumen miżmum dwar il-qtil tal-ġurnalista Marinova

Rapporti mill-Bulgarija qalu li raġel Rumen li kien qed jivvjaġġa b’passaport tal-Moldova qed jinżamm mill-pulizija biex jgħin fl-istħarriġ dwar il-qtil brutali tal-ġurnalista Bulgara, Viktoria Marinova. Il-katavru ta’ Marinova kien instab fi tmiem il-ġimgħa ġo park, fil-belt ta’ Ruse, qrib ix-Xmara Danubju u wara kien żvelat li hi kienet spiċċat stuprata qabel inqatlet.

Ma ngħatawx wisq dettalji dwar ir-raġel li qed jinżamm mill-pulizija iżda magħruf li hu għandu wkoll dixxendenza Ukrena. Intant, hu kellu jkun interrogat fuq perjodu ta’ 24 siegħa, bil-pulizija tipprova tistabbilixxi l-aħħar movimenti tiegħu. L-aħħar kummenti tal-pulizija kienu li r-raġel, sa dak il-ħin, ma kienx ‘suspett konkret’ u li ‘l-investigazzjoni kienet qed tkompli’.

Il-prosekutur reġjonali ta’ Ruse, Georgy Georgiev, qal li Marinova kienet qalgħet daqqiet ġo rasha u anki spiċċat fgata waqt l-attakk fatali. Intant, jidher li fl-attakk insterqulha t-telefon ċellulari u ċ-ċwievet tal-karozza, fost affarijiet personali oħra.

Għad mhux magħruf jekk l-omiċidju kienx marbut max-xogħol li kienet tagħmel Marinova ma’ stazzjon tat-televiżjoni lokali.

Viktoria Marinova, li kellha 30 sena, kienet taħdem bħala preżentatriċi ta’ programm ta’ diskussjoni dwar il-ġrajjiet kurrenti. L-ewwel episodju kien jinkludi intervista lil żewġ ġurnalisti investigattivi Bulgari li kienu qed jindagaw dwar allegata frodi li tinvolvi fondi tal-UE b’rabtiet ma’ politiċi u negozjanti.

Iż-żewġ ġurnalisti, Attila Biro u Dimitar Stoyanov kienu arrestati f’Settembru huma u jinvestigaw il-każ u issa, il-prosekuturi fil-Bulgarija qed ikunu kwotati fis-sens li ‘fetħu investigazzjoni dwar l-allegata provi’.

Viktoria Marinova hi t-tielet ġurnalista ta’ profil għoli li sfat maqtula f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sena – u r-raba’ vittma tal-istampa mill-bidu tal-2017.

Fl-aħħar sigħat, mijiet ta’ nies madwar il-Bulgarija organizzaw vejl ta’ talb u rikonoxximent għall-ġurnalista Bulgara maqtula. Dan meta l-Bulgarija hi magħrufa bħala ‘l-agħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea fejn tidħol il-libertà tal-istampa’.