Futbol Sport

Il-kwistjoni bejn Paul Pogba u Josè Mourinho hi esaġerata – Didier Deschamps

Il-kowċ nazzjonali ta’ Franza Didier Deschamps qal li t-tensjoni bejn Paul Pogba u Josè Mourinho kienet esaġerata. Pogba u Mourinho kellhom skambju pjuttost kurjuż fil-bidu ta’ sessjoni ta’ taħriġ ix-xahar l-ieħor, bi kwistjoni oħra tkun marbuta mat-tneħħija ta’ Pogba bħala viċi-captain.

Iżda, Pogba kellu prestazzjoni tajba fit-tieni taqsima fl-aħħar partita, hekk kif Manchester United irkupraw żvantaġġ ta’ żewġ gowls, bi tliet gowls fl-aħħar 20 minuta f’Old Trafford.

Deschamps jemmen li xi nies setgħu qabżu f’konklużjonijiet żbaljati dwar ir-relazzjoni bejn it-tnejn. Il-Franċiż kien qed jitkellem qabel il-partita ta’ ħbiberija li Franza għandhom kontra l-Iżlanda. “Naħseb li hi esaġerata. Probabbli ma rajtux l-aħħar logħba għaliex rajt Paul Pogba brillanti.”

“Naħseb li Josè Mourinho ra l-istess ħaġa bħali. Xi affarijiet ġraw u naħseb li bħal ma jiġri ħafna drabi, nagħmlu xi ħaġa akbar milli tkun. Hi verità li hemm ftit fatti, imma jista’ jkun li uħud qabżu f’ċerti konklużjonijiet.”

Il-kowċ nazzjonali Franċiż żied li meta jaraw kif Pogba jġib ruħu fis-sitwazzjoni preżenti tal-klabb, uħud jgħidu li li għamel dak kollu li setà mentalment kif ukoll fil-prestazzjonijiet individwali biex jgħin lill-klabb.

Deschamps saħaq li m’hemmx problema b’Pogba. Hu qal li ma jrid iħawwad xejn jew jintervjenti bl-ebda relazzjoni bejn xi wieħed mill-plejers tiegħu mal-kowċis tagħhom.