Lokali Parlament

FILMAT: Adrian Delia jiddefendi lil Simon Busuttil fil-Parlament

Il-Parlament kien sospiż fil-ħin tal-mistoqsijiet wara li fil-Kamra nqalgħu argumenti bejn deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni bl-involiment tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Chris Cardona u diversi deputati tal-Oppożizzjoni fosthom Simon Busuttil.

Kien id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li staqsa jekk fl-aħħar 24 siegħa marx għand il-pulizija biex jagħti l-verżjoni tiegħu dwar il-preżenza tiegħu fil-party f’villa li fih kien hemm wieħed mill-akkużati tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar telefonati li saru.

Il-Ministru Chris Cardona stieden lil Jason Azzopardi biex jirrepeti dak il-kliem barra u sostna li hi ħasra li għad hawn deputati ta’ dan it-tip.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi f’dan il-mument żvesta ruħu mill-immunità parlamentari.

Il-Ministru Chris Cardona qal li l-kliem tal-avukati hu sabiħ iżda hu kien qed jerfa’ r-responsabbiltajiet kostituzzjonali tiegħu. Hi ħasra li wħud mid-deputati tal-Oppożizzjoni jixtiequ li b’xi mod issir konnessjoni diretta li jpoġġuh ħati fil-qtil ta’ Caruana Galziia. Hu qal li jiddispjaċih li l-mistoqsija qed issir minn avukat fejn kulħadd jaf li l-avukati li huma poltiiċi jkunu esposti li jkollhom laqgħat u stediniet li fihom ikun hemm kulħadd.

Il-Ministru Laburista qal li kif ġara fil-każ tal-Egrant, l-Oppożizzjoni lesta tirkeb il-karru ta’ qtil għal skopijiet partiġġjani. L-iskop tal-Oppożizzjoni mhux il-ġustizzja jew is-sewwa, sostna l-Ministru Cardona, li kompla li hu jixtieq li Simon Busuttil jara r-rapport Egrant.

Id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil hawn irrimarka jekk il-Ministru Cardona kienx ra r-rapport Egrant.

Il-Ministru Cardona kompla li r-responsabbiltà politika tgħabbi lill-poltiċi b’ħafna piżijiet u staqsa jekk hawn xi politiku li xi darba kien f’riżeviment li fih kien hemm persuna ta’ kondotta ħażina. Hu staqsa jekk hawn xi politiku-avukat li xi darba irċieva xi telefonata mingħand persuni ta’ kondotta ħażina. Hu qal li dan hu l-aktar livell baxx li l-politiċi jistgħu jaqgħu fihom f’pajjiż fejn hemm il-limitazzjonijiet minħabba li l-pajjiż hu żgħir.

F’dan il-mument fil-kamra inqalgħu kwistjonijiet fejn il-Prim Ministru instema’ jinsolenta lil Simon Busuttil bil-kliem ‘frodist’.

Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg hawn issospendiet il-Kamra minħabba storbju.

Meta kompliet is-seduta d-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qam jitkellem u kkummenta li l-Prim Ministru kien allega li kien iffalsifika l-firem u li ma kinx se jkun jista’ jersaq lejn Malta.

Simon Busuttil ċaħad l-akkużi tal-Prim Ministru u qal li hu kburi ta’ dak li għamel. Hu talab lis-Sedja ruling li titlob lill-Prim Ministru biex illum stess jissostanzja dawk l-akkużi li għamel jew jirtirhom.

Il-Whip Laburista Byron Camilleri qal li din hi pressjoni żejda fuq is-Sedja.

Il-Ministru Chris Cardona qal li Simon Busuttil għadu ma ressaqx ksur ta’ privileġġ.

Id-deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li kienet se tagħti ruling fil-mument opportun.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu kien talab skuża miegħeu u ma’ uliedu għall-gideb li qal u sostna li sostna li l-kelma frosid kien użaha fil-kuntest tal-konklużjonijiet tal-inkjesta. Hu sostna li hu jixtieq jippubblika r-rapport tal-inkjesta Egrant kollu issa.

Il-Kaa tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Prim Ministru jidher li qed jagħmel riferenza għal informazzjoni li mhux pubblika u li għandu hu biss u qed jattribwixxi allegazjzonijiet fil-konfront ta’ deputat. Hu qal li hemm ksur ċar ta’ privelleġ jew hemm informazzjoni li għandu biss il-Prim Ministru. Għalhekk ma tistax titkompla din id-diskussjoni. Il-kawża li saret hi propju fuq żbilanċ ta’ informazzjoni fejn il-Gvern għandu u l-Oppożizzjoni m għandhiex.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru qed juża’ informazzjoni li hu għandu iżda l-Oppożizzjoni m’għandhiex. Ma jistax ikun li jkun hawn żbilanċ fil-parlament u li l-Gvern jixli lill-Oppożizzjoni m’affarijiet li l-Opożizzjoni m’għandhiex aċċess għalihom. Il-poplu għandu dritt għall-verità; il-Prim Ministru jrid jissotanzja jew iġib il-provi. Il-poplu jrid ikun jaf ta’ min hi l-Egrant.

Id-deputat Simon Busuttil qal li hu jaqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni u sostna li dak li qal il-Prim Ministru hu differenti minn dak li qal hu u l-Prim Ministru bdidel il-verżjoni tiegħu. Hu reġa’ ċaħad dak li allega l-Prim Ministru u sostna li l-Prim Ministru anki heddu li ma jkunx jista’ jiġi Malta. Hu sostna li refa’ r-responsabbiltà politika.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li hu Simon Busttil responsabbli u kien qallu ‘ma jersaqx lejn Malta’ bil-mistħija.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li hu emmen dak kollu li għamel u refa’ r-responsabbiltà għaliex kumpaniji fil-kumpaniji fil-Panama infetħu tlieta; ta’ Konrad Mizzi ta’ Keith Schembri u l-oħra fejn kulħadd kien jissuspetta li kienet tal-Prim Ministru. Sakemm il-Prim Ministru jibqa’ jżomm miegħu lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, hu jemmen li l-kumpanija Egrant hi tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa jekk il-Prim Ministru hux lest jippubblika l-inkjesta Egrant

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kien iġġustfika l-kliem li qal fil-kuntest politiku u skuża ruħu jekk weġġa’ lil Simon Busuttil. Hu qal li l-intenzjoni tiegħu hi li jippubblika l-inkjesta kollha.