Lokali Saħħa

Proposti tal-Partit Nazzjonalista għal spinta fil-qasam tas-saħħa mentali

Fil-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, l-Partit Nazzjonalista jssellem lill-eluf ta’ nies f’pajjiżna li jbatu jew batew minn nuqqas ta’ saħħa mentali, lill-familji tagħhom li tant ibatu u jinkwetaw għall-maħbubin tagħhom, u lill-professjonisti u l-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dan il-qasam ħafna drabi fis-skiet u mingħajr l-għarfien li jixirqilhom.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex:
Jieqaf jabbanduna s-settur tas-saħħa mentali u jibda’ jieħu dan is-settur bis-serjetà. Dan billi verament jindirizza l-problemi fl-isptar Monte Karmeli, għaliex f’dan l-isptar hemm nies vulnerabbli li jeħtieġ li tingħatalhom l-għajnuna u mhux ikollom jistennew sas-sena 2023 sakemm, skont il-Ministru għas-Saħħa dan l-isptar ikun tajjeb.

Ikompli jifrex il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità kif kien qed jagħmel il-Gvern Nazzjonalista qablu. F’dawn l-aħħar sitt snin il-Gvern Laburista ma fetaħx klinika waħda fil-komunità għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mental u lanqas day centre wieħed għal dawn il-persuni vulnerabbli.

Jerġa’ jwaqqaf il-Crisis Intervention Team li ġie żarmat minn dan il-Gvern u dan minkejja li hemm indikazzjonijiet li ż-żieda fi problemi ta’ saħħa mentali qed iżżid ukoll l-ammont ta’ suwiċidji. Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, is-suwiċidju fl-età bejn 15 u 29 sena hu t-tieni kawża ta’ mwiet f’din l-età.

Il-Gvern għandu jkompli fuq dak li kien ippjanat minn Gvern Nazzjonalista għal Crisis Intervention Team għall-adoloxxenti. It-tema ta’ din is-sena għall-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali hi proprju s-saħħa mentali taf-tfal u l-adoloxxenti.

Hu ppruvat xjentifikament li 50 % taż-żgħażagħ bi problemi ta’ saħħa mentali diġà jkunu bdew juru l-ewwel sintomi ta’ 14 il-sena u dan jitla’ għal 75 % sal-età ta’ 20 sena. Għalhekk il-Gvern għandu jibda screening kmieni biżżejjed biex il-kura tibda tingħata kmieni b’rata ferm akbar ta’ suċċess.

Il-Gvern għandu jimpjega aktar psikoloġi, psikoterapisti, social workers, occupational therapists u psychiatric nurses. Mingħajr dawn il-professjonisti b’pagi u kundizzjonijiet tajbin, is-soċjetà tagħna ma jkunx tassew jimpurtaha mill-persuni vulnerabbli f’dan il-qasam.

Il-Gvern għandu jagħmel aktar supported housing biex pazjenti li jistgħu jgħixu fil-komunità jkunu jistgħu joħorġu mill-Isptar Monte Carmeli. Il-Gvern waqqaf ftehim li kien għamel Gvern Nazzjonalista biex l-Awtorità tad-Djar talloka appartamenti ħalli pazjenti jkunu jistgħu jgħixu fil-komunità.
Għandha titqawwa l-kampanja kontra l-istigma. Hu stmat li 70 % tal-persuni li jbatu mid-dipressjoni ma jfittxux kura għax jibżgħu li jisfaw vittma tal-istigma.

Għandu jitwaqqaf unit appost biex qraba ta’ pazjenti jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni u appoġġ li tant ikollhom bżonn.

Wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti fil-bini ta’ sptar ġdid f’dan il-qasam u li jkun parti minn Mater Dei. Dan jgħin mhux ftit biex tonqos l-istigma.

Il-Gvern għandu jfassal Mental Health Policy fil-postijiet tax-xogħol pubbliċi ħalli dawk li jkunu għaddejjin minn problemi jkunu mħajra u megħjuna jfittxu l-kura. Din il-Policy għandha tinfirex ukoll fil-privat.

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħti numru ta’ proposti konkreti biex il-qasam tas-saħħa mentali jingħata spinta. Uħud minn dawn il-proposti jistgħu jibdew jitwettqu minnufih. L-Oppożizzjoni tibqa’ disponibbli taħdem id f’id mal-Gvern f’dan il-qasam fl-interess tal-pazjenti u tal-familji tagħhom.