Futbol Sport

Diversi klabbs Belġjani taħt investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż

Numru ta’ klabbs mill-ogħla diviżjoni tal-Belġju saritilhom raid mill-pulizija bħala parti minn investigazzjoni wiesgħa fil-korruzzjoni, ħasil ta’ flus u rranġar ta’ logħob fl-Ewropa. L-uffiċċju tal-prosekutur federali fi Brussell ikkonferma li saru 44 raid fil-Belġju u 13 oħra fi Franza, il-Lussemburgu, Ċipru, il-Montenegro, is-Serbja u l-Maċedonja.

Ir-raids huma parti minn investigazzjoni federali li bdiet fl-2017 wara suspett minn attivitajiet finanzjarji fil-Jupiler Pro League, li hi l-ogħla diviżjoni fil-Belġju.

Iċ-chairman taċ-champions Club Brugge Bart Verhaeghe qal lil VTM Nieuws li l-klabb se jagħti l-koperazzjoni fl-investigazzjoni u l-klabb ma għandux x’jaħbi. Anderlecht ukoll ikkonfermaw li sar ir-raid, fejn qalu li l-azzjoni saret bħala parti minn inkjesta ġudizjarja dwar prattiċi ta’ ċertu aġenti ta’ plejers.

Standard Liege kkonfermaw li għamlu għad-dispożizzjoni d-dokumenti rikjesti waqt it-tfittxija ta’ sagħtejn fil-bini tagħhom ilbieraħ filgħodu. Klabbs oħra Belġjani li ġew affettwai kienu Lokeren, Oostende, Genk, Gent, Kortrijk u t-tim tat-Tieni Diviżjoni Mechelen.

Rapporti qed jgħidu li l-aġent magħruf Mogi Bayat, il-kowċ ta’ Brugge Ivan Leko u eks kowċ ta’ Anderlecht kienu fost dawk li kienu mistoqsija. L-investigazzjoni qed iddur ma’ attivitajiet relatati ma’ organizzazzjoni kriminali, ħasil ta’ flus u korruzzjoni privata. Din l-investigazzjoni waslet tliet xhur biss wara li t-tim nazzjonali tal-Belġju wasal sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja.

Ir-raids sar f’kull reġjun tal-Belġju u b’kollox kien hemm involuti 184 pulizija fil-Belġju kif ukoll 36 pulizija fil-pajjiżi Ewropew l-oħra. L-istqarrija qalet li xi aġenti tal-futbol ħadmu biex jaħdmu kummissjonijiet tat-trasferimenti, pagamenti ta’ plejers u kowċis, kif ukoll pagamenti oħra mill-awtoritajiet Belġjani li wasslu għal telf fit-taxxa.