Ekonomija Lokali

“Ekonomija min-nies għan-nies” – il-PN jniedi d-dokument ta’ qabel il-Budget

“Jeħtieġ pjan fit-tul biex ikollna ekonomija min-nies għan-nies sabiex it-tkabbir ekonomiku verament jasal għand kulħadd speċjalment dawk li qegħdin ibatu.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta ġie ppreżentat d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista lill-imsieħba soċjali fl-MCESD.

Dr Delia qal li filwaqt li l-Gvern jiftaħar bit-tkabbir ekonomiku dan it-tkabbir mhux qed jasal għand kulħadd. Huwa qal li l-Oppożizzjoni trid ekonomija li minnha jgawdu n-nies kollha u li dan id-dokument iservi biex ikun vuċi li s’issa mhix tinstema’ ta’ dawk li qed ibatu u ta’ setturi oħra li mhux qed igawdu mit-tkabbir ekonomiku fosthom in-nies fil-faqar, il-pensjonanti, l-ħaddiema b’pagi baxxi u nies li ma jistgħux jixtru darhom u lanqas jistgħu jikru. Dan meta l-aħħar statistika tal-NSO uriet kif f’Malta żdiedu l-anzjani li jinsabu fil-faqar filwaqt li hawn aktar minn 72,000 persuna li jinsabu fir-riskju tal-faqar.

“Qed nisimigħu l-ħtiġijiet u nagħmluhom fi proposti” – Adrian Delia

Adrian Delia qal li l-Gvern qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni u l-unika soluzzjoni li qed joffri hi li jġib 15,000 barrani kull sena, b’theddida għas-sostenibbilità fit-tul tal-ekonomija. Huwa qal li n-nuqqas ta’ pjan min-naħa tal-Gvern qed iwassal biex bosta setturi qed jintlaqtu b’mod negattivi bħalma huma l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, l-infrastruttura, it-trasport u l-propjetà. Dan meta qiegħed dejjem jikber in-numru tal-familji li mhux qed jgħixu ħajja diċenti minħabba wkoll żidiet fl-affarijiet essenzjali fosthom l-ikel.

Mario de Marco għamel preżentazzjoni dettaljata tad-dokument lill-imsieħba soċjali membri fl-MCESD. Huwa għamel referenza għall-mod kif is-settur finanzjarju qiegħed taħt pressjoni minħabba t-tmexxija dgħajfa tal-Gvern, u dan meta hawn persuni li qed ibatu fosthom il-pensjonanti. De Marco qal li l-Oppożizzjoni se tara li l-Gvern jagħti każ tal-pariri li qegħdin jagħtuh l-istituzzjonijiet internazzjonali, liema pariri huma immirati biex tissaħħaħ l-indipendenza u l-operat tal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Dan sabiex tiġi mħarsa r-reputazzjoni ta’ Malta. Huwa qal li jeħtieġ li jinħolqu inċentivi għall-ħiliet edukattivi u għat-tqassim tal-għarfien f’setturi innovattivi filwaqt li jissaħħu setturi oħra bħat-turiżmu u l-manifattura.

Id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista ‘An Economy by the People for the People’ jiġbor fih analiżi tal-ekonomija u tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll numru ta’ proposti li huma immirati sabiex l-ekonomija tkun aktar sostenibbli u aktar ġusta maċ-ċittadini biex t-tkabbir ekonomiku verament jilħaq lil kulħadd.

Għat-tnedija ta’ dan id-dokument, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco, l-Kelliema għall-Ekonomija Kristy Debono u l-Kelliem għad-Djalogu Soċjali Hermann Schiavone.