Futbol Sport

FILMAT – ‘Ġejna hawn biex nirbħu’ – Ray Farrugia lejliet il-partita kontra l-Kosovo

Domenic Aquilina

Id-difensur ta’ Victoria Hotspurs f’Għawdex, Ferdinando Apap u ż-żagħżugħ ta’ 21 sena li jilgħab ma’ Gżira United, Juan Corbalan mistennija li għada jibdew sa mill-ewwel minuta kontra l-Kosovo. Din se tkun it-tielet partita ta’ Malta f’League D, Grupp 3 tal-UEFA Nations League, liema partita se tkun qed tintlagħab fl-iStadium ta’ Fadil Vokrri fid-8:45pm.

Wara d-dro kontra l-Ażerbajġan x-xahar li għadda f’Ta’ Qali, Malta qed tħares li tkompli tibni fuq il-pożittiv li kelna dak in-nhar u lejliet din il-partita, il-kowċ nazzjonali Malti, Ray Farrugia reġa’ tkellem ma’ www.netnews.com.mt dwar l-ambjentazzjoni pożittiva li teżisti fl-iskwadra kif ukoll il-bidla għall-aħjar li qed jagħmel hu u l-istaff tekniku tiegħu, inkluż li jintroduċi elementi ġodda fit-tim nazzjonali. Hu għalhekk li għada Apap u Corbalan mistennija jkunu inklużi fl-iskwadra inizjali. Għal Apap dan mhux se jkun debutt, iżda nafu li minn kemm ilu li Farrugia laħaq kowċ ta’ Malta hu kien mogħti l-fiduċja massima anke jekk jilgħab fil-Kampjonat Għawdxi. Fil-każ ta’ Corbalan, kemm il-darba dan jibda jew jilgħab fil-partita, għaliħ se jkun debutt mat-tim nazzjonali tal-kbar.

Il-formazzjoni Maltija għal kontra l-Kosovo mistennija tara ukoll ir-ritorn tad-difensur ta’ Floriana, Clayton Failla hekk kif Joseph Zerafa ta’ Valletta se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ partita waħda wara t-tieni karta safra fil-partita li għaddiet kontra l-Ażerbajġan. Malta mistennija tilgħab b’sistema ta’ 5-4-1 hekk kif mill-aħħar ħdax li bdew il-partita preċidenti, żgur li se jkun hemm assenti ukoll Ryan Fenech ta’ Sliema Wanderers li m’huwiex parti mill-iskwadra ta’ 23 plejer, waqt li jinsab dubjuż Ryan Camilleri. Dan tal-aħħar intefħitlu saqajħ dalgħodu u Farrugia għadu jrid jieħu deċiżjoni dwaru.

Assenti ukoll minn din l-iskwadra ta’ 23 plejer hemm id-difensur ta’ Pistoiese fl-Italja, Zach Muscat li jinsab imweġġa’ u l-midfielder ta’ 25 sena li jilgħab fl-Ingilterra, fil-League Two ma’ Crawley Town, Luke Gambin. Dan tal-aħħar talab li ma jkunx mgħajjat biex ikompli jiġġieled għal postu mat-tim li jilgħab miegħu.

“Meta jkollok plejers bħal dawn assenti, hemm plejers oħra li se jkunu qed jilgħabu minflokhom u għalihom din hija opportunitá tajba biex jagħtu prova tal-potenzjal tagħhom u li jistgħu jilgħabu mal-ewwel ħdax,” qal Farrugia illum, waqt konferenza stampa li saret f’Pristina, fil-presenza ta’ ġurnalisti oħra mill-Kosovo.

Farrugia tkellem fil-pożittiv dwar l-avversarji tal-Maltin. Hu qal li l-tim tal-kowċ Żvizzeru ta’ 67 sena, Bernard Challandes hu wieħed b’saħħtu u kompost minn plejers ta’ esperjenza li jilgħabu f’Kampjonati ewlenin madwar l-Ewropa, fosthom il-midfielder ta’ 25 sena Valon Bersiha li jilgħab fis-Serie A ma’ Lazio u li fil-passat numru ta’ drabi mat-tim nazzjonali tan-Norveġka. Farrugia għamel referenza lejn il-fatt li l-Kosovo hu tim ġdid u hemm plejers li lagħbu ma’ pajjiżi oħra qabel għażlu l-Kosovo. Insemmu lill-gowlkiper ta’ 30 sena, Samir Ukjani li llum jilgħab fit-Turkija iżda lagħab għal snin twal fl-Italja, inkluż fis-Serie A ma’ Palermo, Novara, Chievo u Genoa. Hu rrapreżenta lill-Albanija fil-passat. Bħal Bersiha hemm plejers oħra li lagħbu mal-Albanija fil-passat u dan jikkonferma kemm dan il-pajjiż, li jinsab mal-ewwel mitt pajjiż fir-rankings tal-FIFA, kiber u se jkompli jikber matul is-snin li ġejjin.

Il-fatt li l-Kosovo hi assoċjazzjoni ġdida fil-FIFA u l-UEFA, plejers li qabel kienu jilgħabu ma’ pajjiżi oħra jistgħu jaqilbu l-passaport, dejjem skont ir-regolamenti, u jilgħabu għall-Kosovo. Per eżempju l-attakkant Xherdan Shaqiri ta’ Liverpool, li twieled il-Kosovo u li jilgħab mal-iŻvizzera, jista’ jilgħab mal-Kosovo anke jekk diġa’ lagħab mal-iŻvizzera u dan għaliex meta hu beda’ jilgħab mat-tim nazzjonali Żvizzeru, il-Kosovo kien għadu ma rikonoxxut mill-FIFA u l-UEFA bħala tim nazzjonali. Bħall-każ ta’ Shaqiri hemm ħafna, u dan jagħmel lill-Kosovo bħala forza b’saħħitha fil-futbol u żgur aħjar minn Malta u ħafna mill-pajjiżi l-oħra li qed jilgħabu f’League D tal-UEFA Nations League.

Farrugia iżda għamilha ċara li Malta se tilgħab kontra l-Kosovo biex tirbaħ għaliex fi kliemu stess, l-ebda tim ma jinżel biex jitlef iżda biex jirbaħ. Waqt l-istess konferenza stampa tkellem ukoll il-midfielder u captain ta’ Birkirkara, Paul Fenech fejn ammetta li kontra l-Kosovo se tkun partita diffiċli iżda xogħol il-plejers Maltin hu li jilgħabu tajjeb u se jkunu qed jagħmlu l-ħajja iebsa lill-avversarji. Fenech sostna li hu u sħabu ma tinkwetahomx il-pressjoni li jkun hemm f’dan il-livell ta’ futbol anzi ddeskriva din il-pressjoni bħala ‘waħda mill-isbaħ affarijiet li teżisti fil-futbol għaliex jekk ma jkollokx pressjoni ma tistax tilgħab tajjeb.”.

Fenech fisser l-importanza li t-tim Malti ikun magħqud flimkien u tul id-90 minuta l-iskwadra żżomm il-forma tagħha kontra avversarji li huma b’saħħithom partikolarment f’nofs il-grawnd.