Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-fatti ma jista’ jmerihom ħadd – David Casa

L-attentat fjakk tal-Ministru Helena Dalli u l-Ministru Owen Bonnici fid-difiża tagħhom għal kollega tagħhom fil-Kabinett ta’ Muscat ma jista’ jbiddel ebda fatt li ġie żvelat din il-ġimgħa minn grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali.

Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa fi stqarrija, wara li l-Ministru Helena Dalli u l-Ministru Owen Bonnici bagħtu ittra lill-Kummissjoni Ewropea bħala tweġiba għall-ittra tal-MEP Casa ta’ nhar it-Tnejn li għadda. Fl-ittra tagħhom, Dalli u Bonnici sostnew li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia tinsab għaddejja għaliex ġew arrestati tliet persuni suspettati li għamlu l-bomba mal-karozza tal-ġurnalista.

David Casa qal li fl-ittra li bagħat nhar it-Tnejn li għadda lill-Kummissjoni Ewropea, hu rrefera għal dak żvelat fis-siegħat ta’ qabel, u talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tinsisti li ssir inkjesta pubblika indipendenti dwar ir-rwol tal-Istat Malti fil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

Sa issa, nafu biss dak żvelat mill-ġurnalisti, fatti li jpoġġu f’dell ikrah wieħed mill-aktar Ministri viċini ta’ Joseph Muscat. Dawn l-allegazzjonijiet jikkonfermaw kemm hu importanti li ssir inkjesta pubblika indipendenti.

David Casa temm jgħid li Helena Dalli u Owen Bonnici għaġġlu wisq meta qagħdu biss fuq il-kelma ta’ kollega tagħhom. “Li kieku Helena Dalli u Owen Bonnici vera jridu jkunu jafu l-fatti kollha dwar dan il-qtil u r-rwol tal-Istat Malti, kieku kienu jappoġġjaw it-talba tiegħi għal inkjesta pubblika indipendenti. L-attitudni tal-Ministri ta’ Joseph Muscat tkompli tikkonferma kemm għandhom x’jaħbu.”