Lokali Parlament

Il-PM jaf ta’ min hi Egrant

– Simon Busuttil, PN

Deputat Laburista jitkeċċa mill-Kamra wara li jidgħi fil-Parlament

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal fl-Aġġornament li l-Prim Ministru Joseph Muscat jaf ta’ min hi l-kumpanija Egrant u li ilu jaf dwar dan mill-ewwel.

Simon Busuttil qal li kien qal li se jistenan r-rapport sħiħ u jikkummenta li wara dak li ġara lbieraħ ħass li kellu jagħmel reazzjoni għaliex dak li ġara lbieraħ kien bla preċedent fejn hu mingħajr u mhedded mil-Prim Ministru bi kliem goff u aggressiv. Anki meta l-Kamra kienet sospiża l-Prim Ministru kompla jakkużah li hu frodisit li ffalsika l-firem, li se jitfgħaha u li ma jkunx jista’ jersaq lejn Malta.

Il-Ministru Chris Cardona hawn interrompa fuq point of order biex jiddefendi dak li qal il-Prim Ministru.

Simon Busuttil qal li kien wieġeb lill-Prim Ministru f’wiċċu bil-korruzzjoni li tebbgħet lill-pajjiż u lilu nnifsu. Hu qal lil-Maġistrat ma setax ikkonkluda li hu għandu jkun investigat fuq frodi jew fuq falsifikazzjoni tal-firma tal-mara tal-Prim Ministru.

Il-Ministru Chris Cardona reġa’ interrompa u fuq point of order qal li l-Prim Ministru allega li Busuttil hu frodist tal-verità.

Simon Busuttil qal li din ir-reazzjoni turi li l-verità qed tniġġiżhom. Hu sostna li skont il-Prim Ministru hu (Simon Busuttil) hu frodist iżda Mosack Fonseka jew l-uffiċjali tal-kumpanija li fetħet il-kumpaniji spiċċaw akkużati mhux frodisti. Il-fatti huma li Jacqueline Alexnader li għandha xi 8,000 kumpanija fuq isimha spiċċat il-ħabs. Dawn fetħu l-kumpaniji ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u Egrant fuq struzzjonijiet ta’ Nexia BT.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru qed jammetti li se jsir frame-up fuqu meta qal li ‘fuqek se nitfgħaha’. Hu kompla li l-Prim Ministru heddu meta qallu ‘lanqas tersaq lejn Malta ma tkun tista’. Il-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni surreali.

Wara interruzzjonijiet kontinwi minn deputati tal-Gvern, id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li se jkollha tkeċċi xi membri ‘l barra mill-Kamra.

Meta kompla, Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru juża’ rapport li għadu mhux pubbliku, jimmanipulawh u jagħmel li jrid bih. Ippubblikaw biss 50 paġna minn 1050 paġna. Minn dawn il-50 paġna, l-istampa mhix dik li ħareġ biha l-Prim Ministru. Fil-konklużjoni r-rapport ma jgħidx li Egrant mhix tal-Prim Ministru u rriżulta li ma nstabx li hi tiegħu. Hemm differenza kbira bejn li Egrant mhix tal-Prim Ministru u li ma nstabx li hi tiegħu.

Il-Maġistrat ma setax jgħid hekk għax ma sabx ta’ min hi Egrant u għalhekk għadu mhux magħruf ta’ min hi Egrant. Id-dmugħ tal-kukkudrilli tal-Prim Ministru mhxu se jimpressjonani.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hu emmen li Egrant hi tal-Prim Ministru jew tal-mara tiegħu u għadu jemmen dan. M’għandhix għalxiex nagħmel apoloġiji, sostna Simon Busuttil, li hu emmen għax kien hemm rapport kredibbli minn Caruana Galizia li kellha raġun dwar il-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Hu qal li hu emmen għax il-PM mar il-Maġistrat wara li serraħ rasu li l-provi sparrixew wara li telaq l-ajruplan u l-Kummissarju tal-Pulizija kien mar fenkata. Hu qal li hu emmen għax minn tliet kumpaniji reġistrati, waħda irriżulta ta’ Konrad Mizzi u l- l-oħra ta’ Keith Schembri u għax il-PM ma ħa l-ebda passi kontrihom li nqabdu li se jdaħħlu €150,000 fix-xahar f’dawn il-kumpaniji. Il-Prim Ministru jaf ta’ min Egrant għax kull ma kellu jistaqsi lil Brian Tonna u karl Cini dwar Egrant.

Simon Busuttil enfażizza l-libertà tal-espressjoni tiegħu li jitkellem.

F’dan il-mument Claudette Buttigieg, qalet li kienet semgħet lid-Deputat Laburista Glenn Bedingfield jidgħi fil-parlament. Hi ordnat lid-deputat Laburista jirtira mill-Kamra u joħroġ. Id-deputat Laburista qal li Simon Busuttil kien tilfu għax kien qed jigdeb. Glenn Bedingfield ħareġ mill-Kamra.

Simon Busuttil qal li dan hu attakk fuq id-demokrazija tal-pajjiż u sostna li mhux ta’ b’xejn li jridu jeħilsu minnu. Kburi li niġġeled kontra l-korruzzjoni u fl-aħħar is-sewwa jirbaħ żgur, sostna Simon Busuttil.