Futbol Sport

L-Italja tispiċċa draw f’Ġenova kontra l-Ukrajna f’partita ta’ ħbiberija

(Ritratt: EPA)

It-tim nazzjonali tal-Italja spiċċa fi draw ta’ 1-1 kontra l-Ukrajna f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Ġenova, fejn ukoll tfakkret il-memorja tat-43 persuna li tilfet ħajjitha fil-kroll tal-pont ta’ Morandi.

Dan kien it-tielet draw f’sitt partiti kemm ilu li Roberto Mancini ħa t-tmexxija tat-tim Taljan, bl-Azzurri juru sinjali pożittivi f’xi partijiet tal-logħba. L-Italja tilgħab it-tielet logħba fil-UEFA Nations League nhar il-Ħadd kontra l-Polonja.

L-Italja fetħet l-iskor fis-56 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Federico Bernardeschi li kien salvat minn Andriy Pyatov, iżda l-gowlkiper Ukren naqas li jżomm il-ballun biex spiċċa fix-xibka.

L-Ukrajna ġabet id-draw sitt minuti wara meta minn korner mil-lemin, Ruslan Malinovsky irċieva l-ballun minn daqqa ta’ ras u b’xutt mill-ewwel fil-baxx għar-rokna għeleb lil Gianluigi Donnarumma.