Lokali

L-MDA imħassba dwar it-tqassim tal-ġid komuni

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, tinsab imħassba dwar il-mod kif qed jitqassam il-ġid komuni f’pajjiżna. Minkejja li l-Gvern għandu obbligu li jara li l-ġid jitqassam b’mod ġust, dan mhux isir.

Iddikjara dan il-President tal-MDA Sandro Chetcuti, li f’laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian wiegħed l-id tal-kooperazzjoni tal-Assoċjazzjoni lill-Oppożizzjoni biex issir pressjoni fuq il-Gvern biex din il-problema tissolva u ma jgawdux biss erba’ min-nies.

Sandro Chetcuti qal ukoll li l-Gvern irid ikun ta’ stoffa biżżejjed biex jagħlaq negozjati tajbin ma’ min jixtieq iwettaq il-proġetti, iżda mhux jagħmel dan għad-dannu tal-poplu. Mingħajr ma rrefera għal xi proġett partikolari, Chetcuti qal li l-Oppożizzjoni hi ffurmata minn partit b’saħħtu u ta’ storja li hemm bżonnha għaliex ma nistgħux nibqgħu nsofru minn deċiżjonijiet mgħaġġla.

Waqt li ppreżenta l-proposti tal-MDA għall-baġit ta’ din is-sena, iddikjara li fost dawn hemm talba għal żieda fil-paga minima, u ħabbar li l-membri tal-Assoċjazzjoni lesti li jgħollu l-paga minima għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni anke b’20% jekk dawn jagħmlu korsijiet biex jakkwistaw ħiliet ġodda.

Proposti oħra jinkludu inċentivi għal akkomodazzjoni affordabbli u ta’ kwalità, fost tħassib mill-MDA li għandna min f’pajjiżna li mhux ilaħħaq mal-kirjiet. Hawn semma’ wkoll numru ta’ nies li waqgħu lura, min f’każi ġenwini u oħrajn li għandom bżonn motivazzjoni biex jaħdmu … xi ħaġa li magħha kompla Adrian Delia li semma’ kif sfortunatament illum qed naraw għafsa qawwija fuq min qiegħed fil-kera u fuq żgħażagħ li jixtru l-ewwel propjetà tagħhom.

Ma’ dawn, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żied il-bżonn ta’ pjan fit-tul għal pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żvilupp. Din hi xi ħaġa li anke l-MDA taqbel magħha, u qed tipproponi numru ta’ proposti biex pajjiżna jissebbaħ u biex l-iżvilupp ikun ippjanat.

Adrian Delia ħabbar li dwar dan l-Oppożizzjoni għaddejja b’diversi diskussjonijiet ma’ għaqdiet mhux governattivi, fost oħrajn biex ikunu esplorati possibbiltajiet dwar użu iktar għaqli tal-art, l-użu ta’ materjal li jista’ jerġa’ jintuża u wkoll l-użu għaqli tal-enerġija fost oħrajn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-iżvilupp u l-ambjent m’għandhom ikunu kontra xulxin iżda kumplimentaw lil xulxin b’tali mod li l-ambjent isir settur ekonomiku ġdid fih innifsu. Huwa qal li f’dan il-qasam, Malta tista’ tkun prijunier bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda li jistgħu jintużaw ukoll fis-settur tal-kostruzzjoni u l-iżvilupp.

Għal din il-laqgħa, Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar, Proġetti Kapitali u s-Suq tal-Proprjetà, Marthese Portelli.