Lokali

Matul l-2017: Sostanzjati 3 każi ta’ abbuż fuq minuri fi ħdan il-Knisja

Matul l-2017 il-Kummissjoni tal-Knisja responsabbli mill-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli rċċeviet tliet allegazzjonijiet ta’ abbuż fuq minuri li kienu sostanzjati.

Dawn l-allegazzjonijiet kienu jinvolvu saċerdot, patri u lajk li t-tlieta li huma tpoġġiet fuqhom restrizzjoni fuq l-attività pastorali tagħhom waqt li l-każijiet ġew riferuti lill-Pulizija.

Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet minn din il-kummissjoni li ppreżentat ir-rapport annwali tagħha għas-sena 2017.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, immexxija mill-Kap tal-Kummissjoni Andrew Azzopardi, intqal ukoll li sa tmiem is-sena li għaddiet il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll l-evalwazzjoni ta’ numru ta’ lmenti mressqa lilha. Minn dawn, 10 ma ġewx ippruvati, 3 kienu infondati u 3 ilmenti oħra ma kinux dwar abbuż u allura ġew riferuti lil entitajiet oħra.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ adulti vulnerabbli, mill-ilmenti matul l-2017 kien hemm 3 mhux ippruvati, 3 infondati u sitta li ma kinux jikkonċernaw abbuż sesswali, fiżiku, emozzjonanti, sfruttament jew bullying.

Fil-preżent, il-Kummissjoni qed tevalwa 3 ilmenti oħra relatati ma’ adulti vulnerabbli u 12-il ilment ieħor li jikkonċerna minuri.

Sadattant, matul is-snin il-Kummissjoni tat taħriġ lil madwar 2,000 persuna li jaħdmu mat-tfal, adoloxxenti u adulti vulnerabbli fi ħdan entitajiet tal-Knisja u ġew sottomessi quddiem il-Qorti 2,155 applikazzjoni ta’ persuni fil-knisja li jaħdmu mal-minuri biex ikun żgurat li jissodisfaw il-kriterji skont il-liġi.