Lokali

Resident jispiċċa bil-bieb tal-ġnien imbarrat wara li tefgħulu munzell ħamrija

Resident fiż-żona Ta’ Paris, f’Birkirkara, spiċċa bil-bieb tal-ġnien tiegħu imbarrat għal ġurnata wara li l-kuntrattur li qed iwettaq xogħol bħala parti mil-proġett tal-Kunsill Lokali poġġa munzell ħamrija u ġebel quddiemu.

L-istess resident, li tkellem ma’ Net News, spjega kif l-inkonvenjent ma kienx biss fil-konfront tiegħu, għaliex dan il-munzell imbarra wkoll passaġġ li jintuża minn diversi persuni li joqgħodu fl-inħawi.

Sorpriż meta quddiem il-proprjetà sab dan il-munzell, ir-resident tkellem mas-Sindku tal-lokalità kif ukoll mal-Kunsill Lokali, iżda baqa’ bla azzjoni tant li kellu jmur jagħmel rapport għand il-Pulizija.

Kważi 24 siegħa wara, il-kuntrattur kien ordnat inaddaf warajh u jiftaħ mill-ġdid l-aċċess għal din iż-żona.