Sport Sport Ieħor

Roger Federer jevita ħasda u javvanza mal-aħħar 16 tal-Masters ta’ Shanghai

Roger Federer kien sfurzat li jilgħab it-tielet set iżda għeleb lil Daniil Medvedev 6-4, 4-6, 6-4 f’logħba tal-Masters ta’ Shanghai mir-rawnd tal-aħħar 32. Is-sid numru wieħed kien sorpriż mir-rebbieħ tal-Open tal-Ġappun, iżda kiser is-service fid-disa’ logħba tas-set deċiżiv qabel serva biex għadda mal-aħħar 16 u żamm it-tamiet li jirbaħ it-titlu li rebaħ sena ilu.

Dan hu l-ewwel tournament kompetittiv għal Federer minn meta tilef kontra John Millman fl-aħħar 16 tal-Open tal-Istati Uniti kmieni f’Settembru. Hu se jkun qed jilgħab kontra l-Ispanjol Roberto Bautista Agut fil-kwarti tal-finali hekk kif qed ifittex it-tielet suċċess f’Shanghai.

Juan Martin del Potro għeleb lil Richard Gasquet. Hu kellu jirkupra f’żewġ okkażjonijiet, biex fid-darbtejn rebaħ erba’ logħbiet konsekuttivi u spiċċa biex rebaħ 7-5, 7-6. Del Potro jilgħab kontra Borna Coric, l-istess tennist li kien rebaħ fl-Open tal-Istati Uniti x-xahar l-ieħor.

Is-sid numru erbgħa Alexander Zverev għadda wkoll b’rebħa ta’ 7-5, 6-4 fuq Nikoloz Basilashvili u mal-aħħar 16 jilgħab kontra Alex de Minaur. Il-finalist ta’ Wimbledon Kevin Anderson għeleb 6-3, 6-2 lil Mikhail Kukushkin u jaffronta lil Stefanos Tsitsipas.

Marco Cecchinato rkupra minn żvantaġġ ta’ 4-1 fl-aħħar set biex għeleb lil Chung Hyeon 4-6, 7-6, 7-6 f’sagħtejn u 35 minuta, filwaqt li l-Britanniku Kyle Edmund rebaħ 6-3, 6-4 kontra t-Taljan Andreas Seppi.

Tags