Lokali

FILMAT: Konrad Mizzi ma jgħidx jekk issejjaħx mill-Pulizija

Il-Ministru Konrad Mizzi, li fl-aħħar snin dejjem kien qrib ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tant li anke kien għażlu bħala Deputat Mexxej tiegħu, baqa’ ma jridx jgħid jekk issejjaħx mill-Pulizija fl-investigazzjoni li għadha għaddejja wara li ntemmet l-Inkjesta Egrant.

Mistoqsi minn In-Nazzjon, il-Ministru Konrad Mizzi ħarab u flimkien mal-Uffiċjali tal-Ministeru daħal f’kamra oħra, bil-bieb jinstabtilna f’wiċċna. Minn dak il-ħin, il-Ministru Konrad Mizzi nżamm maqful fil-kamra fejn iddaħħal u ħalla l-binja minn bieb ieħor.

Qabel ma ħarab, il-Ministru Konrad Mizzi qal li ma rax ir-rapport komplut tal-Inkjesta Egrant, minkejja li fl-istess jiem li l-kumpanija Egrant infetħet fil-Panama, infetħet ukoll il-kumpanija Hearnville, f’isem il-Ministru Konrad Mizzi.

Madankollu, hu pprova jnaddaf ismu billi qal li llum mhu nvolut fl-ebda kumpanija fil-Panama. Dan meta pprova jnessi lil kulħadd li l-kumpanija tiegħu kienet waħda mit-tlieta li nfetħu fil-Panama ftit jiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013.