Lokali

L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti mċappsa b’allegazzjonijiet u pagamenti suspettużi

Rapport f'paġna 5 ta' In-Nazzjon

L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin spiċċat taħt il-lenti ta’ rapport dettaljat u fattwali ta’ Transparency International, li f’kapitlu esklussivament dwar Malta jingħad li din l-iskema hi mċappsa b’allegazzjonijiet suspettużi.

Ir-rapport, li sar minn Transparency International flimkien ma’ għaqda oħra internazzjonali, Global Witness, għandu t-titlu European Gateway: Inside the murky world of golden visas, u kien introdott lill-midja lbieraħ fi Brussell.

Fir-rapport tingħata ħarsa dwar skemi simili eżistenti bħalissa f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej u kif dawn qed jolqtu lill-Unjoni Ewropea b’eluf ta’ persuni jiksbu ċ-ċittadinanza Ewropea li, fost l-oħrajn, tintitolahom għal vjaġġar bla restrizzjoni mhux biss fl-Unjoni Ewropea, iżda wkoll f’ħafna pajjiżi oħra.

Minn dan ir-rapport joħroġ li b’kollox kien hemm s’issa 2,027 (applikant u dipendenti tagħhom) persuna li kisbu passaport Malti mill-2014 taħt din l-iskema, li rrendiet lill-pajjiż €718-il miljun.
Fl-istess ħin jissemma li “uffiċjali tal-Gvern Malti għandhom diskrezzjoni wiesgħa meta jiddeċiedu fuq kemm applikant ikun eliġibbli li jinħariġlu passaport. Tant hu hekk li r-rapport jgħid dan: “Applicants who have criminal records or are subject to criminal investigation may still be considered due to ‘special circumstances’.”

Waqt li jsemmi li l-Gvern Malti jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li jiksbu passaport, jgħid ukoll li dan isir b’mod li diffiċli ħafna li wieħed ikun jista’ jindividwa lil dawn il-persuni. Ir-rapport jgħid li s-surplus fil-Budget ta’ Malta hu parzjalment dovut għal din l-iskema. Iżda mbagħad iżid dan: Do Maltese citizens know how the money that golden visa recipients contribute to the National Social Development Fund is used? Not at all.

Jissemma każ li fih kien hemm involuti Keith Schembri u Brian Tonna
Jingħad ukoll li filwaqt li b’mod ġenerali hemm suspetti dwar l-iskemi kollha ta’ dan it-tip, huma dawk ta’ Ċipru, Malta u l-Portugall li jqajmu l-aktar mistoqsijiet għall-mod li bih jitħaddmu minħabba li wħud minn dawk li kisbu l-passaport huma mdaħħlin fi skandli ta’ money laundering.

Fir-rapport hemm taqsima esklussivament dwar Malta, li fiha tingħata ħarsa estensiva lejn kif titħaddem l-iskema, il-kritika li rċeviet fil-qasam internazzjonali, u fil-konklużjoni jingħad li Malta jeħtieġ li tindirizza bis-serjetà r-riskji li din isservi għal għanijiet ta’ money laundering, u jtemm hekk: Otherwise the programme is at risk of benefitting the few to the detrminet of many.

Fi tmiem din it-taqsima jingħataw dettalji ta’ każ suspettuż b’konnessjoni ma’ din l-iskema li fih kien hemm involuti Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u Brian Tonna tan-Nexia BT.